Futbol Sport

Titħabbar il-mewt tal-eks referee u President ta’ Lija Athletic Charles Scerri

Illum tħabbret il-mewt tal-eks referee u President ta’ Lija Athletic Charles Scerri li miet fl-età ta’ 78 sena. Scerri jibqa’ sinonimu mal-karriera twila mifruxa fuq 60 sena f’diversi setturi tal-futbol lokali.

Wara karriera bħala plejers fi tmiem tas-snin 50 u s-snin 60, Scerri ngħaqad mal-Malta Football Referees Association fejn għal bosta snin kien wieħed mir-referees ewlenin f’pajjiżna. Hu kkontrolla diversi partiti kruċjali fl-Empire Stadium tal-Gżira fosthom ħames finali tal-FA Trophy. Scerri kien ukoll referee internazzjonali tal-FIFA fis-snin 70 u 80 u kkontrolla logħbiet li nvolvew timijiet bħal Real Madrid, Milan, Juventus u Barcelona.

Hu għamel żmien bħala uffiċjal fl-assoċjazzjoni tar-referees, u bejn l-1991 u l-1995 kien parti mit-tim ta’ ġurnalisti sportivi ta’ Radio 101. Fl-1996 hu nħatar President ta’ Lija Athletic u serva għal 17-il sena biex sar l-aktar President li dam fil-kariga. F’dan iż-żmien, Lija Athletic lagħbu għal tliet staġun fil-Kampjonat Premier.

Scerri serva wkoll f’diversi bordijiet tal-MFA kif ukoll kien fil-Kunsill u l-Eżekuttiv tal-MFA. Charles Scerri kien involut ukoll fil-komunità ta’ Ħal Lija tant li kien ukoll kunsillier fil-Kunsill Lokali.

Il-funeral tiegħu se jsir nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Diċembru fit-3.30pm fil-Parroċċa ta’ Ħal Lija. Net Sports jagħti l-kondoljanzi lill-familja Scerri.