Lokali

20 arrest fl-Italja b’rabta ma’ kumpaniji rreġistrati f’Malta – akkużati b’kollaborazzjoni mal-mafja

20 persuna ġew arrestati u qed jinżammu f’ħabsijiet fl-Italja fejn  mistennija jiffaċċjaw diversi akkużi. Fost dawn, b’assoċjazzjoni mal-mafja u reati oħra b’metodi mafjużi.

Il-każ hu dwar kumpaniji tal-logħob online li kienu attivi fl-Italja iżda li s-sede legali tagħhom kienet fl-Awstrija jew Malta u li kienu qed joperaw mingħajr konċessjonijiet jew awtorizzazzjoni f’pajjiżhom. Dan ifisser li kienu qed jiksru l-liġijiet dwar in-normi fiskali u dawk kontra l-ħasil tal-flus.

Dawn l-attivitajiet illegali kienu jippermettilhom li ma jħallsux it-taxxa, u minbarra dan se jkunu akkużati wkoll b’ħasil ta’ flus, b’akkwist ta’ flus ġejjin mill-illegalitajiet u konkorrenza żleali.

Jirriżulta li dawk akkużati li mexxew dawn il-ħidmiet illegali, naqsu milli jiddikjaraw mat-€3.2 miljun b’dannu għall-istat Taljan.

Barra dan, instab li fost dawk akkużati kien hemm min kien assoċjat mal-‘ndrangheta bl-iskop li l-attività kummerċjali tal-kumpaniji tagħhom tkompli tinfirex u tikber.