Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Aktar opportunitajiet u inqas indħil għall-artisti Maltin – Francis Zammit Dimech

Il-Parlament jaddotta l-Aġenda Ewropea ġdida għall-Kultura

“Ir-rwol tagħna ta’ politiċi hu li nsaħħu s-settur tal-kultura permezz ta’ policies konkreti, u mhux b’indħil politiku. L-Aġenda Ewropea ġdida għall-Kultura hi opportunità għas-settur kulturali Malti, għaliex il-proposti tagħhom ġew inklużi.” L-MEP Francis Zammit Dimech għadda dawn ir-rimarki wara li l-Parlament Ewropew adotta l-Aġenda Ewropea ġdida għall-Kultura. Zammit Dimech kien ir-Rapporteur tal-Grupp tal-PPE fuq dan il-fajl.

Matul l-aħħar ġimgħat, Zammit Dimech iltaqa’ ma’ diversi stakeholders f’Malta u fi Brussell u ressaq ‘il quddiem il-proposti tagħhom. Il-proposti tiegħu jinkludu żieda fil-fondi għall-festivals, li tiżdied l-aċċessibilità għall-programm Ewropea Kreattiva biex igawdu minnu organizzazzjonijiet żgħar bħall-każini tal-baned, biex ikun hemm interess pubbliku akbar fil-kultura permezz ta’ kollaborazzjoni bejn professjonisti, u biex jiġu evitati tassazzjoni eċċessiva u doppja għall-artisti, kif ukoll biex tingħata attenzjoni partikolari lill-fondi għal setturi li ma jingħatawx daqshekk importanza, bħall-poeżija.

Waqt li kien qed jindirizza l-Parlament Ewropew fi Strasburgu dwar dan il-fajl, Zammit Dimech irrefera għas-sitwazzjoni f’Malta. “Il-kultura għandha tagħti s-setgħa liċ-ċittadini u mhux tintuża biex twaqqaf lill-attivisti u n-nies, u tipprojbixxi d-dritt li wieħed jiprotesta dwar qtil tal-ġurnalisti.” Hu żied jgħid “Jien nemmen f’settur tal-kultura b’saħħtu għaliex il-kultura tagħti l-poter lin-nies u timmotivahom biex ikunu mexxejja responsabbli fis-soċjetà, b’integrità u entużjażmu. Sfortunatament, dan mhux dak li jemmen il-Gvern Malti. Bħalissa, l-Gvern Malti u l-uffiċjali tiegħu qed jużaw il-kultura u l-wirt Malti bħala skuża biex jipprovaw iħassru l-memorja tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia. B’mod partikolari, l-monument fil-Belt Valletta qed jitneħħa mill-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia fuq il-premessa li l-monument u l-madwar qed jiġu restawrati. Din hi bil-kontra ta’ dak li għandha tkun il-kultura.”

Zammit Dimech kritika wkoll il-mod li s-settur kultura qed ikun politiċizzat f’Malta, mhux biss bil-ħatriet ta’ persuni politiċi f’karigi tal-kultura, imma anke permezz ta’ indħil politiku f’deċiżjonijiet kulturali. Zammit Dimech fakkar kif l-NAO sab li d-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-Kunsill tal-Arti ma kienux finalizzati u li ngħataw €2.1 miljun f’direct orders. Hu qal li dan kien qed jagħmel ħsara lis-settur tal-kultura f’Malta.

Zammit Dimech, eks Ministru tal-Kultura, qal li bħala Ministru kien ħa diversi inizjattivi biex isaħħaħ is-settur tal-kultura f’Malta, inkluż il-ftuħ tal-Kavallier ta’ San Ġakbu – ċ-Ċentru nazzjonali ta’ Malta għall-kreattività, u t-trasformazzjoni tal-orkestra ta’ Malta għal dik filarmonika. “Dawn huma inizjattivi li l-artisti jistennew minna l-politiċi, u mhux indħil politiku fil-kultura u s-setturi kulturali,” żied jgħid.