Lokali

Josè Herrera għandu jinforma ruħu aktar fuq il-bżonn tas-salvagwardja tas-saħħa fuq prodotti tal-ħaxix u frott

Il-Ministru Josè Herrera qed juri li ma jafx x’inhuma, u lanqas juri li huwa interessat li jara li jitwettqu r-responsabbiltajiet tiegħu bħala Ministru fir-rigward tad-dmirijiet fid-dipartiment tal-Plant Health, li jikkonsistu li ssir sorveljanza stretta fuq prodotti tal-ħaxix u frott u prodotti oħra.

Sostna dan Edwin Vassallo, kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Self Employed, in-Negozji Żgħar, il-Koperattivi, il-Biedja u s-Sajd

Din il-ħidma trid issir sabiex naċċertaw li f’pajjiżna ma jidħlux prodotti li jipperikolaw il-biedja Maltija u Għawdxija b’mard li jista’ jkun infettiv u li jista’ jinxtered bil-wasla ta’ insetti li jistgħu jidħlu f’pajjiżna ma’ prodotti ta’ frott u ħaxix u prodotti oħra.

Dan jirriżulta kif il-Ministru Josè Herrera għażel li jirrispondi mistoqsija supplimentari fejn l-istess Ministru wera li ma riedx jirrispondi, għaliex jew ma kienx jaf jirrispondi jew aktar u aktar ried juri li ma jimpurtahx li għandha ssir sorveljanza “at point of entry” kif titlob l-istess liġi. Din hija attitudni ta’ irresponsabbiltà lejn problema li hija waħda serjetà.

Il-Ministru Josè Herrera għandu minnfih jinforma lilu nnifsu dwar din ir-responsabbilità importanti li għandu u jara li jerfaha għall-ġid tas-settur tal-bdiewa, tar-raħħala u tal-konsumaturi. Dan għaliex jeħtieġ l-aqwa protezzjoni u serħan tal-moħħ li dak li qed jixtru huwa prodott li ma jagħmilx ħsara lis-saħħa.