Lokali

Il-PN se jibqa’ jsegwi mill-qrib il-progress u l-isfidi tal-ħaddiema tax-xatt

Meta kien qed jindirizza l-laqgħa ġenerali annwali tal-Malta Dockers Union, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Trasport u l-Infrastruttura Toni Bezzina qal li kemm mill-Gvern kif ukoll mill-Oppożizzjoni, l-Partit Nazzjonalista segwa b’interess u mill-qrib il-progress, il-problemi u l-isfidi li kellhom il-ħaddiema tax-xatt. Dan ukoll fir-rigward tal-kompetittività ħarxa minn portijiet oħra minn madwar il-Mediterran.

F’dinja li qed tinbidel ma’ kull ġurnata li tgħaddi, l-isfidi għall-ħaddiema tax-xatt qegħdin dejjem jiżdiedu u jinbidlu. Il-Partit Nazzjonalista iżda għandu fiduċja sħiħa fil-ħiliet ta’ dawn il-ħaddiema u tal-Malta Dockers Union (MDU) li tmexxihom. Toni Bezzina qal li għalkemm il-Malta Dockers Union hija unjin żagħżugħa digà għandha storja ta’ suċċess u f’perjodu ta’ 12-il sena għamlet avvanzi kbar. Dan seħħ kemm fl-operat tagħha, bid-diversi ftehimiet li rnexxilha tagħmel u kif ukoll fix-xena internazzjonali.

Toni Bezzina qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiltaqa’ u jiddiskuti flimkien mal-ħaddiema tax-xatt u r-rappreżentanti tagħhom biex flimkien jiġu identifikati l-aħjar toroq li jwasslu sabiex il-ħaddiema tax-xatt mhux biss iżommu xogħolhom iżda biex itejjbu l-għajxien tagħhom ukoll. Dan għaliex il-ħaddiema tax-xatt huma kontributuri ewlenin tal-ekonomija ta’ pajjiżna u għalhekk huwa dmir tal-politiċi li jaraw li jibqgħu jibbenefikaw mill-opportunitajiet li qed jinħolqu f’pajjiżna kemm fil-preżent kif ukoll fil-futur.