Internazzjonali

Is-Senat Amerikan jivvota kontra l-appoġġ lis-Sawdi fil-gwerra tal-Jemen

Is-Senat Amerikan ivvota biex l-Istati Uniti tirtira l-għajnuna militari għall-gwerra li qed tmexxi l-Arabja Sawdija fil-Jemen.

Intant, is-Senat għadda unanimament riżoluzzjoni ta’ akkuża fil-konfront tal-Prinċep Sawdi, Mohammed bin Salman, dwar il-qtil tal-ġurnalista tal-Washington Post, Jamal Khashoggi, li seħħ f’Ottubru fil-Konsulat tal-Arabja Sawdija f’Istanbul. Ir-riżoluzzjoni tinsisti biex l-Arabja Sawdija ‘iżżomm kontabbli lin-nies responsabbli mill-omiċidju’.

Il-vot (riżoluzzjoni) biex ma tkomplix l-għajnuna militari lis-Sawdi fil-kwistjoni tal-Jemen għandu jitqies bħala storiku għaliex din hi l-ewwel darba li kwalunkwe Kamra tal-Kungress Amerikan qabel biex jirtira l-qawwiet ta’ pajjiżu minn konflitt (militari) taħt il-War Powers Act tal-1973.

Iżda waqt li wħud mir-Repubblikani kollegi tal-President Amerikan, Donald Trump, sfidawh biex jgħaddu din il-miżura flimkien mad-Demokratiċi, ir-riżoluzzjoni qed titqies, fil-parti kbira, bħala simbolika u mhux probabbli li tgħaddi bħala liġi.

Is-Senatur Indipendenti ta’ Vermont, Bernie Sanders – li ko-sponsorja l-miżura – qal li din ‘twassal il-messaġġ li l-Amerikani mhumiex se jkomplu jiffurmaw parti mill-avventuri militari tal-Arabja Sawdija’.

Sadanittant, iż-żewġ riżoluzzjonijiet, fosthom dik dwar Salman, qed jitqiesu bħala ‘stqarrija soda mill-maġġoranza tas-senaturi li ‘l-istatus quo mal-Arabja Sawdija mgħadux aċċettabbli’.

Is-senaturi Amerikani, filwaqt li jqisu r-relazzjoni strateġika mal-Arabja Sawdija bħala importanti, mhumiex komdi bit-tmexxija tal-Prinċep Salman. Dan waqt li l-Amerikani mhuma mħassbin dwar ‘l-interventi barranin’ ta’ Salman u partikularment dwar it-telf tal-ħajja b’kaġun tal-gwerra fil-Jemen.