Lokali

“Surreali r-reazzjoni tal-Prim Ministru” – Adrian Delia fuq RTK

Surreali.  Hekk iddeskriva r-reazzjoni tal-Prim Ministru għar-rapport iebes tal-Kummissjoni Venezja il-Kap tal-PN Adrian Delia, meta it-Tlieta kien intervistat fuq l-RTK.

Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni kien ilha żmien twil issemmi l-istess nuqqasijiet li semmiet il-Kummissjoni , inkluż il-fatt li l-Avukat Ġenerali qed jilbex wisq kpiepel.

Il-Kummissjoni filfatt tirrakkomanda li l-Avukat Ġenerali jitneżża mir-rwol ta’ prosekutur u minflok jinħoloq rwol ġdid ta’ prosekutur pubbliku.

Barra minn hekk il-Kummissjoni issemmi l-ħtieġa li s-segretarji permanenti ma jinbidlux mat-tibdil tal-amministrazzjoni….ħaġa li din il-gvern biddel wara li keċċa l-persuni li kienu f’din il-pożizzjoni filwaqt li minflokhom laħħaq persuni mhux kwalifikati.  Ir-rapport jitkellem ukoll dwar il-positions of trust…. li ingħataw lil persuni purament abbażi tat-twemmin politiku tagħhom.

Adrian Delia kompla jgħid li l-aktar ħaġa preokkupanti hi l-istqarrija tal-kummissjoni li l-Prim Ministru għandu l-poteri kollha kkonċentrati għandu u għaldaqstant m’għandux minn jaħgmillu checks and balances.

Il-Kap tal-PN temm jgħid li dawn in-nuqqasijiet jissarrfu fi ħsara għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna hekk kif pajjiżi oħra jħarsu lejna bħala pajjiż b’ġudizzju fuq rasu.