Lokali

Se jispiċċaw barra t-triq għax se jkollhom joħorġu minn darhom

Anzjana u t-tifel tagħha se jispiċċaw barra fit-triq hekk kif se jkollhom jevakwaw ir-residenza tagħhom mingħajr m’għandhom post ieħor fejn imorru joqgħodu.

Waqt il-programm Sorsi Infurmati, huma rrakkontaw l-istorja tagħhom li tmur lura diversi snin meta sid il-kera beda proċeduri biex iż-żewġ persuni jitneħħew mid-dar biex ikun jista’ jibda xogħol ta’ kostruzzjoni.

Dawn il-persuni ilhom 37 sena joqgħodu f’din ir-residenza, wara li l-Awtorità tad-Djar tathom din id-dar minflok oħra f’Ta’ Ġiorni minħabba li din tal-aħħar kellha ħsarat strutturali.

Anke din id-dar kellha ħsarat u nuqqasijiet, tant li dawn il-persuni għamlu spiża biex fost oħrajn bidlu t-twieqi u faċilitajiet oħra. Dan apparti li l-proċess fil-Qorti, li ilu għaddej snin ukoll, ħalla lil din il-familja bla flus.

Din il-familja talbet lill-Awtorità tad-Djar biex jinstab post alternattiv, li tniżżel bħala każ urġenti, iżda baqgħet ma ngħatatx alternattiva.

Bir-raġel li ma jistax jaħdem għax se jiġi operat, u bil-familja li la għandha residenza oħra u lanqas vettura fejn imqar jorqdu, il-futur ta’ din il-familja jidher li hi biss it-triq.

Waqt il-programm Sorsi Infurmati, din il-familja kkundannat dak li sejħet bħala inġustizzji maż-żgħir, li mhux jiġi mgħejun.