Lokali

Tiftaħ inkjesta maġisterjali dwar allegazzjoni minn sid ta’ żiemel fuq tbagħbis f’polza dwar it-tlielaq taż-żwiemel

Il-Pulizija qed tinvestiga allegazzjonijiet li saru minn sid ta’ żiemel b’rabta mat-tellieqa li suppost issir nhar il-Ħadd li ġej, meqjusa bħala l-Gran Final ta’ dan l-istaġun.

Din it-tellieqa, li issa ġiet posposta, kienet qed issir biex tikkommemora anniversarju importanti għall-Malta Racing Club tant li kienet sponsorjata mill-istess klabb.

Jirriżulta li wieħed mis-sidien taż-żwiemel ma qabilx mal-polza u kien hawn li nqala’ argument li matulu kien hemm ġlied fost akkużi lill-Kumitat bi frodi u korruzzjoni. Dan għaliex akkuża lill-Kumitat li bagħbas il-polza.

Kien hawn li ssejħet l-assistenza tal-Pulizija, bil-kumitat li offra ruħu għad-dispożizzjoni tal-uffiċjali tal-Pulizija biex isiru l-investigazzjonijiet meħtieġa filwaqt li nfetħet anke inkjesta maġisterjali.

Net News hu nfurmat li minn dakinhar ġew issiġillati wkoll l-uffiċċji fil-korsa tal-Marsa biex l-investigaturi jkunu jistgħu janalizzaw is-sistemà li biha jittellgħu l-poloz.

F’risposta lil dan l-istazzjon, il-Malta Racing Cub iddikjara li sabiex tiġi salvagwardjata l-integrità ta’ dan l-isport il-Kunsill se jqabbad awditur indipendenti biex jinvestiga s-sistemà għas-serħan tal-moħħ ta’ kulħadd. L-istqarrija tgħid ukoll li t-tellieqa se tibqa’ posposta sakemm titlesta l-investigazzjoni u joħroġ ir-riżultat tagħha.

Dan l-istazzjon ipprova jagħmel kuntatt ukoll mal-Pulizija, li madankollu ma tawniex informazzjoni iżda talbuna nibagħtu l-mistoqsijiet permezz ta’ email.  S’issa għadna bla risposta.