Lokali

“L-għotja tad-demm hija rigal mill-aktar prezzjuz”

Fl-aħħar jiem inġabru kważi 80 borza demm kuljum.

Wara l-appell li sar fl-aħħar jiem, il-Maltin marru bi ħġarhom fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Għoti tad-Demm hekk kif inġabru kważi 80 borza kuljum, fejn dan patta għal xi nuqqas li forsi kien hemm fil-jiem ta’ qabel.

Żorna ċ-Ċentru Nazzjonali tal-Għoti tad-Demm fejn ħadna l-kumment ta’ Tony Micallef li qalilna aktar dwar il-bżonn tal-għoti tad-demm, u kif l-appelli dejjem intlaqgħu u l-Maltin marru bi ħġarhom.

Micallef qalilna li fil-Milied u anki Lejliet il-Milied inġabar ammont tajjeb ta’ boroż tad-demm u li bosta donaturi marru bi ħġarhom.

Appell konvinċenti biex l-għotja tad-demm, b’dan il-volumm, tiġi miżmuma tul is-sena kollha.

Tkellimna ma’ bosta nies oħra li kienu preżenti li kienu qed jagħtu l-għotja tad-demm. Persuna appellat biex in-nies imorru bi ħġarhom biex jagħtu d-demm.

Wieħed qalilna wkoll li din hija t-48 darba li ta d-demm. Huwa qal li llum-il ġurnata jħossu sodisfatt li għen kif jista’ f’ħajjet ħaddieħor.

Żagħżugħa preżenti qaltilna wkoll fuq l-app li hemm li permezz tagħha ġiet imfakkra li llum setgħet tmur tagħti d-demm, u għalhekk illum marret tagħti d-demm.

Il-ħtieġa ta’ kuljum f’pajjiżna hi ta’ madwar 50 borza demm. Fid-dawl ta’ dan l-appell aħħari kien li l-poplu Malti jibqa’ jmur jagħti d-demm, u li anki dawk forsi qatt ma marru jagħmlu dan, dan jagħmluh u ma jibżgħux jagħtu d-demm.

Tony Micallef temm jgħid li l-bżonn li r-riserva tad-demm tkun tajba mhux biss minħabba l-inċidenti li jinqalgħu bla ma jkun mistenni iżda wkoll għax id-demm huwa meħtieġ biex ma jitħassrux operazzjonijiet jew anki għal kura kontinwa ta’ persuni li jsofru minn bosta kundizzjonijiet.

Huwa tenna l-messaġġ li għotja tad-demm hija l-isbaħ rigal li wieħed jista’ jagħti lil min ikun jeħtieġu.