Basketball Edukazzjoni Lokali Sport

Id-dinja tal-Basketball issellem lil Emmanuel Mangani

Kien simbolu tal-padiljun tal-Basketball

Dalgħodu tħabbret il-mewt ta’ Emmanuel Mangani li għal snin twal serva bħala referee tal-Basketball.

Mangani kien ukoll għalliem ħabrieki u missier maħbub.

Ħbieb ta’ Mangani kienu ixxukjati b’din l-aħbar, u bosta fuq Facebook faħħru l-mumenti sbieħ tiegħu, partikolarment meta kien jirrefja l-partiti tal-Basketball fil-padiljun ta’ Ta’ Qali.

Emmanuel Mangani kien mir-Rabat u kellu 63 sena. Fl-2007 hu kwalifika bħala Kummissarju tal-FIBA biex beda jkun involut f’logħob internazzjonali. Aktar tard, hu daħal fil-Hall of Fame tal-Kumitat Olimpiku Malti.

Tim Sport PN kien onora lil Emanuel Mangani bil-premju Rikonoxximent għall-Ħidma fl-Isport f’Lulju 2016.

Il-Partit Nazzjonalista u Tim Sport wasslu l-kondoljanzi tagħhom lill-familja ta’ Emanuel Mangani, lil dawk kollha li kienu qribu u lill-komunità tal-basketball.

Il-funeral ta’ Mangani se jsir nhar is-Sibt fis-2pm fil-parroċċa tal-Iklin.