Lokali

Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia jiftaħ libell kontra LovinMalta

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap Nazzjonalista Adrian Delia dalgħodu fetaħ kawża ta’ libell wara li ħassu malafamat mis-sit elettroniku LovinMalta.

Permezz tal-ġurnalista Tim Diacono, Lovin Malta ippublikat sensiela ta’ allegazzjonijiet infondati u malizjużi fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni li wasslu biex jinfetah il-libell.

Fl-artiklu ta’ Tim Diacono saru allegazzjonijiet moħbija wara sorsi anonimi, b’hekk il-Kap tal-Oppożizzjoni ma kellu l-ebda triq oħra għajr li jirrikori għall-qrati sabiex inaddaf ismu minn dawn l-allegazzjonijiet infondati u malizjużi.

Is-sit elettroniku LovinMalta ilu jattakka lil Adrian Delia tul dawn l-aħħar xhur u saħansitra bassru li matul din is-sena il-Kap Nazzjonaista se jkollu jirriżenja. Waqt li Adrian Delia, bħala persuna publika, dejjem laqa’ l-kritika fil-konfront tiegħu, ma jistax iħalli lil min iħammeġ ir-reputazzjoni tiegħu u tal-Partit Nazzjonalista li hu jmexxi.

L-avukat Vincent Galea qed jidher għall-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.