Ewropa Knisja Lokali Unjoni Ewropea

In-Nunzju u l-President jinsistu li tawwalna wisq fuq is-saga tal-immigranti

'It-tkabbir ekonomiku jeħtieġ jilħaq verament lill-Maltin kollha'

Fid-diskors tiegħu waqt l-iskambji tal-awguri għas-sena l-ġdida, id-Dekan tal-Korp Diplomatiku, in-Nunjzu Appostoliku għal Malta Alessandro d’Errico, wera dispjaċir li l-kwistjoni tas-Sea Watch 3 u Sea Eye damet kważi 3 ġimgħat biex ġiet riżolta. Filwaqt li radd ħajr lill-poplu Malti għall-ospitalità tiegħu, saħaq li jeħtieġ pjan ħolistiku li jinvolvi l-pajjiżi kollha Ewropej flimkien ma’ dawk Afrikani u Asjatiċi.

Fil-messaġġ tieghu, Mons. Alessandro D’Errico appella lill-Gvern biex l-effetti pożittivi tat-tkabbir ekonomiku li qed nesperjenzaw f’pajjizna jilħqu verament liċ-ċittadini Maltin kollha, partikolarment liż-żgħir u l-batut, u mhux lil dawk li jifilħu l-aktar biss. Sostna illi r-responsabbiltà fil-ħajja pubblika hija imperattiva għal kull uffiċjal pubbliku, u temm billi awgura li l-Gvern jaħdem tassew għall-ġid komuni.

Il-Korp Diplomatiku s’issa skambja l-awguri tiegħu mal-President u l-Prim Ministru filwaqt li aktar tard illum, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, mistenna jilqa’ l-korp diplomatiku fid-Dar Ċentrali għall-iskambju tal-awguri għas-sena l-ġdida.

Il-President ta’ Malta f’diskors li ghamlet ilmentat li l-kwistjoni tal-immigranti tħalliet tittawwal wisq u staqsiet kif il-mexxejja Ewropej setgħu jħallu individwi innoċenti jsofru psikoloġikament, fiżikament u emozzjonalment għal dan it-tul ta’ żmien.

Marie Louise Coleiro Preca saħqet fuq id-dinjità umana, b’mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbli li qed jaħarbu minn diversi sitwazzjonijiet ta’ diffikultà. Il-fenomenu tal-immigrazzjoni għandha tiġi indirizzata b’mod dinjituż mill-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea. Ilkoll iridu jerfgħu r-responsabbiltà minnufih b’mod illi jiġu rispettati id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u mhux b’xi deċiżjoni li tittieħed ta’ malajr.