Futbol Sport

Domoraud isalva punt għal Ħamrun

(Ritratt: Martin Agius)

FLORIANA………………. 1  ĦAMRUN S………………. 1

Floriana: I. Akpan, E. Herrera, A. Oyama, E. Ruiz, E. Marcelina, E. Cesani, S. Pisani (C. Borg 44’), U. Arias, T, Galvào, T. Vella (J. Pisani 70’), I. Varela (D. Agius 60’)

Ħamrun: M. Bartolo, A. Monticelli, M. Gauci, S. Nayar, E. Pepe, T. Caruana, K. Tulimieri, M. Criaco, W. Domoraud, C. Calil, R. Darmanin (K, Schembri 79’)

Imwissija: E. Pepe 48’ (Ħ), T. Galvào 81’ (F)

Skorjaw: A. Oyama 34’ (F), W. Domoraud 81’ (Ħ)

Referee: Mario Apap

Assistenti Referees: Roberto Vella, William Debattista

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Arthur Oyama (Floriana)

Attendenza: 438

Rapport: George Cassar

Gowl ta’ Wilfried Domoraud disa’ minuti mit-tmiem salva punt lil Ħamrun Spartans u tawlilhom l-imbattibbiltà tagħhom għal seba’ logħbiet. Fl-istess waqt il-Ħamruniżi tilfu l-opportunità li jilħqu għall-inqas temporanjament lil Valletta fit-tielet post. B’dan il-punt Floriana telgħu jaqsmu t-tmien post ma’ St. Andrews.

Iż-żewġ timijiet kienu diġà ltaqgħu darbtejn oħra f’dan l-istaġun, darba fil-kampjonat u darba fl-FA Trophy biż-żewġ partiti kienu ntemmu favur il-Ħamruniżi. Iżda din id-darba l-partita spiċċat ġustament f’parità anki jekk l-Ispartans kienu iktar avventurużi fl-attakk.

Iż-żewġ naħat kellhom id-difensuri laterali lemini regolari tagħhom it-tnejn li huma sospiżi: Alex Cini ta’ Floriana u Karl Micallef ta’ Ħamrun. Post Cini ttieħed minn wieħed mill-akkwisti ewlenin ta’ Jannar ta’ Floriana Edward Herrera li iżda kellu debutt kwiet.

Apparti Herrera, iddebuttaw ukoll f’nofs il-grawnd ta’ Floriana l-Arġentini Ulises Arias u Ezequiel Cesani, filwaqt li Terence Vella beda għall-ewwel darba mill-bidu wara li fil-partita ta’ qabel kien iddebutta bħala sostitut. Steve Pisani kien ukoll parti mill-ewwel ħdax minkejja spekulazzjonijiet ta’ trasferiment imminenti lejn Balzan.

Fl-ewwel ħdax ta’ Ħamrun kien hemm erba’ eksplejers ta’ Floriana: Enrico Pepe, Antonio Monticelli, Sebastian Nayar u Ryan Darmanin flimkien mal-kowċ Giovanni Tedesco.

Floriana kienu perikolużi wara inqas minn tliet minuti meta d-daqqa ta’ ras ta’ Ignacio Varela kienet imdawra f’korner mill-gowlkiper Ħamruniż Manuel Bartolo. Ħamrun wieġbu b’konklużjoni f’nofs l-ewwel taqsima meta l-kross ta’ Kevin Tulimieri kien segwit minn daqqa ta’ ras tajba tajba Ryan Darmanin li ħakket mal-mimduda.

Floriana żblokkaw ir-riżultat fl-34 minuta hekk kif Sebastian Nayar ma laħaqx interċetta pass filwaqt li ARTHUR OYAMA kien fuq il-ġirja, ħa l-balllun, avvanza u tefa’ fix-xibka. Tliet minuti qabel l-intervall kien hemm l-aħjar ċans tal-Ispartans fl-ewwel taqsima. Dan beda minn free-kick ta’ Triston Caruana lejn Ryan Darmanin li għal ftit ma skorjax il-gowl tal-eks iżda l-ballun twaqqaf mil-lasta.

Fit-tieni taqsima Ħamrun kienu spiss fuq l-attakk u resqu qrib b’xutt ta’ Kevin Tulimieri kwarta mit-tmiem li kien salvat tajjeb minn Ini Akpan. Sakemm disa’ minuti mit-tmiem wasal il-gowl tal-paritá ta’ Ħamrun meta WILFRIED DOMORAUD skorja wara li għola tajjeb bir-ras għal kross mix-xellug ta’ Kevin Tulimieri u qasam il-punti bejn iż-żewġ timijiet.