Lokali

F’Malta għandna l-ogħla prezz tal-petrol bla SISA

Skont l-aħħar ċifri tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-fuel, il-prezzijiet tal-fuel għall-konsumatur f’Malta hu fost l-ogħla fl-Unjoni Ewropea.

Il-President tal-Automobile Club Malta, Alfred Farrugia qal li 19-il pajjiż tal-Unjoni Ewropea ibiegħu il-petrol orħos minn Malta. L-orħos prezz fl-Unjoni Ewropea hu tal-Bulgarija fejn il-petrol jinbiegħ għal ftit inqas minn 98 centeżmu il-litru. Il-prezz jinkludi wkoll is-sisa u taxxi oħrajn.

Min-naħa l-oħra, il-Petrol f’Malta jinbiegħ għall-prezz ta’ ewro u 36 ċenteżmu, li hu ogħla mill-prezz ta’ diversi pajjiżi fosthom l-Austria il-Belġju, il-Bulgaria, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, Spanja u r-Renju Unit.

Alfred Farrugia qal li fejn jidħlu taxxi fuq l-importazzjoni u l-bejgħ tal-vetturi u tal-fuels, Malta hi l-agħar fl-Ewropa.

Is-sitwazzjoni hija agħar meta wieħed jara l-prezz tal-petrol mingħajr it-taxxi u s-sisa. Fil-fatt, il-prezz tal-petrol f’Malta mingħajr taxxa hu 60.3 ċenteżmu kull litru, li hu l-ogħla fl-Unjoni Ewropea. Min-naħa l-oħra, il-prezz bla taxxa fil-Bulgarija hu ta’ 45.2 ċenteżmu kull litru. Il-prezz medju tal-petrol bla taxxa fl-UE hu ta’ 48.4 ċenteżmu kull litru; 12-il ċenteżmu għal kull litru inqas mill-prezz f’Malta.

Anthony Farrugia staqsa xi profitti qed tagħmel l-Enemed fuq il-il-bejgħ tal-petrol f’Malta.

Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ diesel, 16-il pajjiż tal-UE ibiegħu id-diesel bi prezz orħos minn Malta.

Ir-Regolatur tas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma jgħid li s-suq tal-fuels f’Malta hu liberalizzat. Alfred Farrugia qal li r-realta’ hi li l-Enemed biss timporta, taħżen u tbiegħ il-fuels f’Malta, effettivament hi monopolju għax il-kumpaniji l-oħra huma nvoluti fil-bunkering u mhux fis-suq lokali.