Minkejja l-appell tal-Union tal-Għalliema (MUT) biex kull Skola f’Malta u f’Għawdex ikollha uffiċjali jew sistemi tas-sigurtà, ħalli jkunu evitati kwalunkwe forma ta’ vjolenza, il-Gvern mhux beħsiebu jagħmel dan lanqas f’sena sħiħa.
Mistoqsi minn NET News, fid-dawl tal-istħarriġ tal-MUT li wera ż-żieda fil-vjolenza fuq l-Edukaturi u l-impjegati fl-Iskejjel, il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li l-ammont ta’ flus iddedikati fil-Budget għal din is-sena m’humiex biżżejjed biex jintlaħaq dan l-għan.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni pprova jinħeba wara l-fatt li l-Gvern iddedika 280,000 ewro għal aktar sigurtà fl-Iskejjel. Madankollu, kellu jammetti li dawn m’humiex biżżejjed biex is-sigurtà tiddaħħal fl-Iskejjel kollha.
Bħala Ministru tal-Edukazzjoni, Evarist Bartolo qal li dawn il-każijiet jinkwetawh u li hu d-dmir tal-Gvern li jipproteġi lil kull Edukatur u impjegat fl-Iskejjel. Tenna li l-ebda Ministru tal-Gvern mhu se jipproteġi lil min jabbuża jew ikun vjolenti.
Iżda biex jiddefendi l-fatt li bil-budget allokat mhux biżżejjed biex is-sigurtà tkun fl-Iskejjel kollha, il-Ministru Bartolo qal li wieħed m’għandux jeżaġera u jdaħħal is-sigurtà kollha f’salt.
Meta ppreżentat ir-riżultat tal-istħarriġ tagħha, l-Union tal-Għalliema qalet li aktar ma jgħaddi ż-żmien, il-membri tagħha qed iħossuhom dejjem anqas protetti u għalhekk, mhux se tiddejjaq issejjaħ direttivi biex tipproteġi lill-Edukaturi u l-impjegati fl-Iskejjel.
//= $special ?>