Lokali Qorti

Illiberat l-ex Chairman tal-Enemalta Tranter

L-ex Chairman tal-Enemalta Alexander Tranter ġie lliberat li huwa għamel miżappropjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, u li ffroda lill-istess kumpnija permezz ta’ credit cards. Tranter ta’ 56 sena ma nstabx ħati li huwa uża l-credit cards għad-divertiment u allowances għas-safar.

Tranter, ma nstabx ħati li nefaq sommom kbar ta’ flus bejn l-2005 u l-2010. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli qalet li wara li qieset fil-fond u għamlet il-verifikazzjonijiet meħtieġa, Tranter ma setgħax jinstab ħati minħabba li l-grad ma kienx wieħed li jissodisfa l-liġi.

Fl-opinjoni tagħha l-Qorti, il-fatti miġjuba mill-Prosekuzzjoni ma jlaħħqux il-livelli għal ħtijiet fuq dawn l-akkużi. Minbarra dan kollha, qalet il-Qorti, bħala Chairman tal-Enemalta, Tranter kellu d-diskrezzjoni dwar l-infieq, u li seta’ jonfoq ammonti akbar, anke fuq għażla ta’ akkomodazzjoni meta jkun barra l-pajjiż.

Dan kollu ma jfissirx li huwa kien qed juża l-fondi pubbliċi b’mod ħażin. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Assistent Kummissarju Ian Abdilla filwaqt li l-Avukat Joe Giglio deher għal Tranter.