Sport Sport Ieħor

Georgia b’saħħithom wisq għat-tim nazzjonali Malti tal-handball

(Ritratt: The Foto Factory)
Tibda l-fażi ta' kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew tal-2022, b'dan il-grupp li qed issir f'pajjiżna

It-tim nazzjonali Malti kien megħlub 48-21 minn Georgia, fl-ewwel impenn ta’ dan il-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew tal-2022 li qed isir f’pajjiżna. Il-Kumpless Sportiv tal-Kottonera kellu atmosfera ftit differenti hekk kif bl-appoġġ ta’ South End Core, kien hemm attendenza pożittiva.

Iżda dan ma waqqafx milli Georgia jużaw is-saħħa tagħhom. Ir-rebbieħ tal-grupp jgħaddi għall-fażi li jmiss u konxji ta’ dan, Georgia bdew b’saħħithom u marru 10-2 minn fuq wara għaxar minuti. Huma baqgħu jużaw is-saħħa fl-attakk u skorjaw seba’ gowls konsekuttivi biex marru 17-2.

It-tim Malti prova jaqsam ftit il-logħba u sa tmiem l-ewwel sessjoni l-iskor kien 29-9. B’żewġ logħbiet oħra f’jumejn, l-avversarji kellhom diversi tibdil iżda minkejja dan, it-tim ta’ Joe Tanti ma seta’ jagħmel xejn fuq is-superjorità ta’ Georgia.

Georgia spiċċaw rebbieħa 48-21 li żgur li se ttihom kunfidenza għaż-żewġ logħbiet li jmiss. Giorgi Tskhovrebadze spiċċaw l-aqwa skorer tal-logħba bi 11-il gowl. L-aħjar skorer għat-tim Malti kien Alex Di Pilato b’ħames gowls. Il-gowls l-oħra tat-tim Malti ġew skorjati minn erba’ gowls ta’ David Borg, żewġ gowls kull wieħed għal Jeremy Fenech, Christian McLean, Philip Mifsud, Damian Gargano u Luigi Rizzo, kif ukoll gowl kull wieħed ta’ Peter Naudi u Maurice Meli.

Fil-logħba l-oħra mill-istess grupp, Ċipru rebħa 25-17 kontra l-Ażerbajġan.

Logħob li jmiss fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera

Is-Sibt: Ażerbajġan v Georgia 4.00pm , Malta v Ċipru 6.30pm

Il-Ħadd: Ċipru v Georgia 2.00pm , Ażerbajġan v Malta 4.30pm