Lokali

Uża l-kitba biex jerġa’ jibda ħajja ġdida

L-istorja ta' Matthew Brincat li egħleb il-vizzju tad-droga

Matthew Brincat ħa r-ruħ meta arrestawh il-pulizija.

Mistieden fuq Net AM, Matthew rrakkonta kif kellu 17-il sena meta mess l-ewwel darba mad-droga. Hu rrakkonta kif beda bil-marijuana iżda wara ftit din ma baqgħets tissodisfah u qaleb fuq party drugs. Seba snin wara, dawn ukoll ma baqgħux biżżejjed u waqqaf kull abbuż għal madwar sena. Iżda wara sena, Matthew reġa beda jfittex, u din id-darba dar għall-eroina u eventwalment il-kokaina.

Waqt il-Breakfast Show ta’ Net TV, Matthew tkellem dwar kif tul dawn is-snin, kemm-il darba kellu overdose, iżda dawn l-episodji qatt ma waqqfuh milli jerġa jabbuża.

Sitt xhur wara li Matthew beda juża l-kokaina hu ġie arrestat u kien hawn li ħass li seta’ jibda’ ħajja ġdida. Matthew stqarr ukoll li kien meta neża s-suppervja tiegħu li seta verament jagħmel dan il-pass.

Fil-ħabs Matthew beda jikteb il-poeżiji. Hu beda jikteb sa minn meta beda’ l-programm u baqa jikteb tul iż-żmien kollu tiegħu fil-ħabs.

Bil-ktieb tiegħu, Matthew jixtieq li jispira lill ħaddieħor li għaddej minn żminijiet iebsa sabiex jipprova juża l-kitba biex jesprimi ruħu u jitgħallem jagħraf iktar lilu nnifsu.

Matthew Brincat se jkun qed imexxi workshop fis-16 ta’ Frar li gej sabiex iqajjem aktar għarfien dwar id-droga u l-ħakma ta’ dan il-vizzju.

Aktar informazzjoni dwar dan tista’ tinstab fuq is-sit matthewbrincat.com jew fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Matthew Brincat.