Internazzjonali

L-itwal ‘shutdown’ tal-Gvern fl-istorja tal-Istati Uniti

L-għeluq parzjali tal-Gvern tal-Istati Uniti issa hu kkonfermat bħala l-itwal perjodu ta’ staġnar għall-amministrazzjoni Amerikani fl-istorja. Dan meta mhu qed jidher l-ebda xaqq ta’ dawl għal ftehim bejn il-President Amerikan Donald Trump u d-Demokratiċi fl-Oppożizzjoni li qed jirrifjutawlu l-fondi għall-bini ta’ ħajt mal-Messiku.

Intant, il-paraliżi tal-Gvern daħal fit-22 jum biex issupera r-rekord preċedenti ( ta’ 21 jum) għax-shutdown tal-1995-96, fi żmien l-eks-President Bill Clinton.

Il-President Trump qed jiċħad li japprova l-baġit tal-Gvern hu u jinsisti għall-finanzjament tal-ħajt bħala ‘ħaġa essenzjali għas-sigurtà’ u li mistennija tiswa l-ekwivalenti ta’ ħames biljun ewro.

Madwar 25 fil-mija mill-operat tal-Gvern federali għadu paralizzat fost stennija għall-pjan ta’ finanzjament. Il-konsegwenza ta’ dan hi li mat-800,000 ħaddiema federali baqgħu ma tħallsux is-salarji, b’dawn jinkludu gwardjani tal-ħabs, l-istaff tal-ajruporti u aġenti tal-FBI.

Min-naħa tiegħu, Donald Trump, issa, qed itaffi l-ispekulazzjoni li hu jista’ jiddikjara emerġenza nazzjonali biex ‘jiżgiċċa’ lill-Kungress Amerikan bil-għan li jikseb il-finanzi għall-ħajt. Hu qal li mhux se jagħżel ‘it-triq faċli’ u li hu jippreferi kieku l-Kungress jirrisolvi l-kwistjoni.