Lokali Qorti

Svediż mixli bi stupru fuq il-kollega tax-xogħol

Mixli wkoll li bejn 12 u t-13 ta’ Jannar li għadda kellu fil-pusses tiegħu d-droga kokaina

Svediż ta’ 24 sena ġie mixli quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke bi stupru ta’ mara li wkoll hija tal-istess nazzjonalita’. Marcel Andres Ekvall Parada, residenti tas-Sliema ġie mixli wkoll b’pusses ta’ kokaina. Iż-żagħażugħ wieġeb li ma kienx ħati tal-akkużi kollha miġjubin kontrih.

L-Ispetturi Paula Ciantar u Joseph Xerri xlew lill-akkużat li fit-13 ta’ Jannar u fil-ġimgħat u x-xhur ta’ qabel, permezz ta’ diversi atti li saru, anke jekk f’ħinijiet differenti wettaq atti li jmorru kontra l-liġi.

Parada ġie mixli wkoll li kkorompa persuna oħra b’mod sesswali, offensivi, umiljanti u degredanti fil-konfront tal-istess mara. Aktar minn hekk kien mixli wkoll li bejn 12 u t-13 ta’ Jannar li għadda kellu fil-pusses tiegħu d-droga kokaina.

Mill-każ ħareġ li l-allegata vittma hija kollega tax-xogħol tiegħu u li l-attivita’ sesswali li seħħet ma kienitx waħda konsenswali. Saret talba wkoll mill-Prosekuzzjoni li ikun hemm ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-mara.

L-Avuati Difensuri, Alfred Abela u Arthur Azzopardi qalu fil-Qorti li l-akkużat irċieva numru ta’ messaġġi mill-allegata vittma fuq Facebook, u kien għalhekk li ntalab espert biex jiġu preservati.
L-Avukat Abela talab ukoll biex filmati tas-CCTV minn żewġ “bars”, li semma l-akkużat fl-istqarrija tiegħu lill-Pulizija, jiġu wkoll preservati, bil-Qorti tilqa’ t-talba.

Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat, liema talba saret oġġezzjoni għaliha mill-Ispettur Ciantar. Hija qalet li dawn l-allegazzjonijiet huma serji ħafna fejn l-allegat vittma taħdem mal-akkużat u li dawn għandhom diversi ħbieb inkomuni, fejn dan ifisser li jista’ jkun hemm intraċċ tal-provi.

L-Ispettur qalet ukoll li l-vittma għad trid tixhed u l-fatt li l-akkużat huwa ta’ nazzjonalita’ Svediża jista’ jagħmilha aktar faċli għalih li jaħrab. L-Avukat Abela irrisponda billi qal li l-gravita’ tal-akkużi mhumiex suffiċjenti biżżejjed biex ma jingħatax il-ħelsien proviżorju mill-arrest.

“Persuna ma tingħatax liberta’ hija l-eċċezzjoni u mhux r-regola ġenerali,” argumenta l-Avukat u qal ukoll li x-xhieda mogħtija diġa ġiet ġuramentata u li għalhekk il-provi huma preservati diġa.

Fuq ir-raġunament li l-akkużat huwa barrani, l-Avukat Abela qal li hemm “kull possibilita’ li l-akkużat jerġa’ jinġieb Malta, kieki kellu jaħrab. Il-passaport tiegħu diġa’ jinsab f’idejn il-Pulizija u li huwa mhux persuna nvolutu f’xi ċirku ta’ kriminali, li jistgħu jiksbu għaliħ xi passaport. Barra minn hekk qal l-Avukat, l-akkużat jista’ jsib impieg ieħor.

Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha wara li rat in-natura tal-offiżi u minħabba l-fatt li hemm il-possibilita ta’ ndħil fil-provi, ċaħdet it-talba għal liberta’ proviżorja. Wara talba tad-difiża, il-Qorti ordnat li l-vittma u persuni oħra vulnerabbli, xhieda tal-Prosekuzzjoni jixhdu sa mill-ewwel opportunita’. Sadanittant skont id-difiża qalet mit-testijiet mediċi ma rriżulta li ma kien hemm l-ebda atti sesswali.