Ekonomija Lokali

UFFIĊJALI: Tagħlaq il-fabbrika AstraCast

Hija uffiċjali l-aħbar li l-fabbrika AstraCast f’Bulebel, li kienet timpjega madwar 32 ħaddiem, għalqet il-bibien tagħha għal dejjem.

Is-sitwazzjoni fl-AstraCast kienet żvelata b’mod esklussiv mill-gazzetta il-mument, fejn kien intqal kif fl-aħħar ġimgħat ħadd ma kien qed jitħalla jidħol fil-fabbrika ħlief il-management.

Fl-isfond ta’ dan kollu, l-Erbgħa l-ħaddiema kellhom laqgħa mas-sid tal-AstraCast li huwa barrani. Imbagħad illum saret laqgħa bejn il-GWU u l-ħaddiema fejn tħabbar li l-fabbrika spiċċat għal kollox.

Wieħed mill-ħaddiema qalilna kif minn għada batuhom jirreġistraw għax-xogħol, b’ħaddiema jitilqu jibku wara li kienu ilhom aktar minn 15-il sena impjegati ma’ din il-fabbrika.

Stqarrija mill-SĦPN

Is-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) fi stqarrija innutat b’dispjaċir li mat-30 ħaddiem kienu għadhom fil-għama wara li spiċċaw barra minn xogħolhom hekk kif fabbrika oħra fil-qasam tal-manifattura f’pajjiżna iffaċċjat diffikultajiet.

Dawn il-ħaddiema issa ilhom ġimgħat sħaħ ma jafux x’se jiġri minnhom u bil-bibien tal-fabbrika magħluqin.

L-istqarrija tkompli tgħid li l-qasam tal-manifattura f’pajjiżna ingħata l-ġenb u tħalla għal riħu fl-aħħar snin tant li kull ma jmur il-produzzjoni minn dan is-settur qed jonqos. Kulħadd jiftakar kemm impjiegi ġew salvati f’pajjiżna fl-2011 u fl-2012 meta d-dinja kienet qed tiffaċċja l-agħar riċessjoni li qatt kien hawn. L-intervent tal-Gvern Nazzjonalista dakinhar salva l-ħobża ta’kuljum ta’ eluf ta’ familji, minkejja t-tfixkil kollu li kien qed isib.

L-SĦPN qed tippretendi li f’dak li l-Gvern Laburista jiddeskrivi bħala l-‘Aqwa Żmien’, kemm il-Gvern kif ukoll il-union li tirrappreżenta lil dawn il-ħaddiema kellhom jaraw kif se jsalvaw l-impjieg ta’ dawn il- ħaddiema, u li jkunu infurmati b’kollox. L-SĦPN wisq tibża’ li bħalma ġara bl-4,000 negozju li għalqu matul is-sena li għaddiet, dan il-Gvern mhux qed jagħti kas.

L-SĦPN temmet l-istqarrija billi uriet solidarjetà mal-ħaddiema u l-familji tagħhom u tħeġġeġ lill-Gvern sabiex il-qasam tal-manifattura fosthom ukoll is-settur tal-biedja u s-sajd jingħataw l-importanza li jistħoqqilhom. Dawn huma setturi li jeħtiġilhom l-investiment, u mhux jintesew għal kollox, sabiex jibqgħu jagħtu l-kontribut tagħhom lis-suq tal-impiegi f’pajjiżna.