Futbol Sport

Titħabbar il-mewt tal-eks referee internazzjonali Paul Bonett

Paul Bonett fl-1970 jikkontrolla l-logħba bejn il-Ġermanja tal-Punent u t-Turkija (Ritratt: Adrian Casha)

Tħabbret il-mewt tal-eks referee internazzjonali Paul Bonett li miet fl-età ta’ 88 sena. Hu kien meqjus bħala wieħed mill-aqwa referees lokali fis-snin 60 u 70 u kien wieħed mill-ewwel uffiċjali Maltin li kien fuq il-panel tal-FIFA fl-1961.

Hu kkontrolla aktar minn 700 logħba kompetittiva lokali fil-karriera, fosthom seba’ finali tal-FA Trophy. Hu seta’ jikkontrolla aktar logħbiet iżda kien jirrifjuta li jikkontrolla logħob ta’ Floriana biex jevita l-kontroversja.

Bonett kien referee ta’ diversi logħbiet internazzjonali, fosthom dik bejn l-Ingilterra u l-Lussemburgu f’Wembley Stadium, logħba mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja. Hu dam referee tal-FIFA bejn l-1961 u l-1978.

Għal 11-il sena, Bonett kien ukoll President tal-Malta Football Referees Association. Il-funeral tiegħu se jsir is-Sibt fid-9.00am fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Publju fil-Furjana. Net Sports jagħti l-kondoljanzi lill-familja Bonett.