Lokali Saħħa

“Deal li qatt ma missu sar” – it-tabib Frank Portelli

Id-deal ma’ Vitals qatt ma missu sar. Kien hemm ftit li ħadu l-miljuni, iżda l-poplu għadu ma ħa xejn. Sostna dan it-Tabib Frank Portelli, waqt li kien qed jiġi intervistat fil-progamm NET Live il-Ħamis filgħaxija.

Frank Portelli qal li l-Gvern, partikolarment il-Ministru Konrad Mizzi qatt ma missu għamilu dan id-deal ma’ Vitals. Ftehim li ġie ffirmat mill-Minsitru Konrad Mizzi għall-bejgħ ta’ 3 sptarijiet pubbliċi, li issa għaddew mill-Vitals għal għand Steward Healthcare għal ewro wieħed biss.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stess fetaħ kawża l-Qorti biex iġib dawn l-isptarijiet lura għand il-poplu Malti.

It-tabib Portelli insista li f’dan il-kuntratt li sar għal 30 sena, il-Gvern qed ibigħ l-assi tiegħu. Flus li finalment huma tal-poplu Malti kollu.

Frank Portelli rrefera wkoll għall-kuntratt li ġie ffirmat bejn Vitals Global Healthcare u l-kumpanija Technoline fejn il-Gvern ta esklussività lill din il-kumpanija b’detriment u diskriminazzjoni lejn kumpaniji oħra kompetituri. Il-Gvern ma jistax jintrabat li jixtri mingħand kumpanija waħda biss. Tant li l-Ministru Chris Fearne stess  ikkundanna dan il-ftehim ftehim meta qal li ma jemminx b’tip ta’ deal li jagħti esklussività lil kumpanija waħda.

Portelli qal li ma rajniex differenza fis-servizz – anzi, morna lura. Dan b’referenza għal meta kien hemm bżonn ħelikopter fl-Isptar ta’ Għawdex.

F’erba’ snin fl-isptar San Luqa ma sar xejn… suppost kellu jsir investiment ta’ 2 miljuni iżda sal-lum il-ġurnata kolllox baqa’ kif kien.

It-Tabib Frank Portelli qal li l-Isptar Ġenerali t’Għawdex huwa l-iktar li bata minn dan kollu. Jekk wieħed ikun Għawdex u jinqalagħlu xi ħaġa jrid jinġieb Malta għax m’hemmx servizzi tajbin.

Fil-ftehim tal-Vitals, hemm 63 paġna, li ġew mgħottija biex ma jkunux jistgħu jinqraw, xi ħaġa li fi kliem Frank Portelli hi tal-mistħija.