Lokali

Missier is-Segretarju Parlamentari Laburista Silvio Schembri jħebb għal membri tal-pubbliku waqt Xarabank

Waqt il-programm Xarabank tal-Ġimgħa filgħaxija li għalih kien mistieden is-Segretarju Parlamentari Laburista Silvio Schembri biex jikkritika intervista li kien għamel ftit qabel waqt l-istess programm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adria Delia, kellhom jissejjħu l-pulizija wara li missier is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri ħebb għal membru tal-pubbliku.

L-inċident seħħ hekk kif intemmet l-intervista ta’ Peppi Azzoppardi mal-Kap tal-Oppożizzjoni, fejn partitarji Laburisti, li fosthom kien hemm omm u missier Silvio Schembri, u diversi kanvasers tiegħu, bdew jizzikaw u jgħaddu diversi kummenti disġreġġjattivi fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni.

F’ħin minnhom omm Silvio Schembri daret lura u bdiet tinsulta lil dawk li marru jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, u f’daqqa waħda missier id-Deputat Laburista qam, tela’ jiġri t-taraġ tal-udjenza u ħebb għal membru tal-udjenza li lanqas biss kien tkellem.

Fl-istess ħin telgħu warajh il-kanvasers ta’ Silvio Schembri biex iħebbu wkoll għal dan il-membru tal-pubbliku.

John Schenbri, missier Silvio Schembri huwa wkoll is-Sindku Laburista tal-Lokalità ta’ Ħal Luqa.