Sport Sport Ieħor

Simona Halep tegħleb lil Venus Williams u tilgħab kontra oħtha Serena mal-aħħar 16

(Ritratt: EPA)

Is-sid numru wieħed Simona Halep se tilgħab fl-aħħar 16 tal-Open tal-Awstralja kontra Serena Williams wara li għelbet lill-oħtha l-kbira Venus. Ir-Rumena ta’ 27 sena rebħet 6-2, 6-3 biex għall-ewwel darba f’din l-edizzjoni rebħet partita mingħajr ma tilfet set.

Is-seba’ darbiet rebbieħa Serena Williams ftit sabet diffikultà biex rebħet kontra ż-żagħżugħa Ukrena ta’ 18-il sena Dayana Yastremska 6-2, 6-1. Minkejja din l-isfida, Halep li tinsab lesta għal din il-logħba mistennija. Ir-Rumena kompliet li ma għandha xejn x’titlef kontra t-23 darba rebbieħa ta’ Grand Slam, li qed timmira li tilħaq ir-rekord ta’ kull żmien ta’ Margaret Court.

Williams rebħet tmienja mid-disa’ konfronti preċedenti u l-aħħar konfront bejniethom kien fl-Open tal-Istati Uniti fl-2016. Minn dakinhar, Halep rebħet l-ewwel Grand Slam tagħha s-sena l-oħra fl-Open ta’ Franza.

Ir-rebbieħa tal-Open tal-Istati Uniti Naomi Osaka rkuprat minn żewġ logħbiet bogħod minn eliminazzjoni biex għelbet lil Hsieh Su-wei 5-7, 6-4, 6-1. Osaka tilgħab fir-rawnd li jmiss kontra Anastasija Sevastova wara li t-tennista ta’ 21 sena rebħet 6-3, 6-3 kontra Wang Qiang.

Is-sid numru sitta Elina Svitolina wkoll kienet fil-periklu ta’ eliminazzjoni iżda hi wkoll rebħet 4-6, 6-4, 7-5 kontra s-sid numru 40 fid-dinja Zhang Shuai. Fir-rawnd li jmiss taffronta lill-Amerikana Madison Keys li għelbet lill-Belġjana Elise Mertens 6-3, 6-2.

Id-darbtejn rebbieħa ta’ Grand Slam Garbine Muguruza rebħet 7-6, 6-2 kontra l-Iżvizzera Timea Bacsinszky u fl-aħħar 16 tilgħab kontra ċ-Ċeka Karolina Pliskova wara li ċ-Ċeka rebħet kontra t-Taljana Camila Giorgi 6-4, 3-6, 6-2.