Lokali

Il-Gvern se jdaħħal 13-il elf ħaddiem barrani matul din is-sena

Aktar minn 60 elf ħaddiem barrani sa tmiem l-2019

Il-Kap tal-JobsPlus Clyde Caruana ammetta li f’pajjiżna matul din is-sena se jiġu mat-13-elf ħaddiem barrani biex jaħdmu f’Malta.

F’intervista ma’ ġurnal lokali, Caruana jsostni l-pjan tal-gvern biex ikompli jġib iktar barranin f’Malta biex jiżdiedu mal-55,000 ħaddiem barrani li diġà jinsabu f’pajjiżna.

Xi ħaġa li mistennija tkompli ġġib pressjoni fuq diversi aspetti lokali, tant li Caruana stess ammetta li huwa konxju sew li din tfisser influss enormi fi żmien qasir.

Biss biss jirrimarka li fil-preżent f’pajjiżna diġa hawn 45% ta’ min iħaddem li għandhom mill-anqas ħaddiem barrani wieħed jaħdem magħhom.

Ammissjoni li turi biċ-ċar dak li l-Kap tal-partit Nazzjonalista Adrian Delia ilu jgħid, li l-Gvern Laburista qata’ qalbu li jkabbar l-ekonomija Maltija ħlief billi jibbaża biss fuq l-influss tal-barranin fostna.

Fl-istess waqt fl-intervista mat-Times of Malta, Caruana qal li fi żmien sentejn, it-tielet l-ogħla sors ta’ dħul għall-familji Maltin se jkun id-dħul mill-kiri tal-proprjetà. Dan wara l-impjieg u l-pensjonanti.

Minkejja dan, Caruana fl-ebda mument tal-intervist ma jsemmi kif se jkampaw b’din l-ekonomija dawk li jinsabu bla saqaf fuq rashom, jew dawk li m’għandhomx proprjetà x’jikru.