Lokali

Il-Gvern qed jibqa’ jarmi l-miljuni f’kuntratti meta hawn min mhux qed ilaħħaq sal-aħħar tax-xahar

“Meta l-anzjani u l-pensjonanti jridu jagħmlu l-kalkoli kull xahar għall-mediċini, l-Gvern jibqa’ jarmi l-miljuni ta’ flus il-poplu f’kuntratti biex jistgħanaw il-ftit tal-qalba.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività politika f’Birkirkara.

Dr Delia qal li l-ftehim mal-Vitals għat-tliet sptarijiet Karin Grech, San Luqa u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex sar b’tali mod li jfalli. Dan għaliex l-isptarijiet ingħataw lil minn qatt ma kellu esperjenza fis-settur tas-saħħa, u ngħata wkoll il-possibilità li jgħaddi dan il-kuntratt ta’ €2,000 miljun lil ħaddieħor. Meta Steward ħallsu biss €1 biss għal ishma fil-Vitals u l-konċessjonijiet fuq it-tliet sptarijiet, is-sidien ta’ Vitals ingħataw €50 miljun minn wara dahar il-poplu.

Adrian Delia qal li l-Ministru Konrad Mizzi ġie kkundannat għal darb’oħra mill-Viċi Prim Ministru Chris Fearne meta qal li se jwaqqaf il-kuntratt ta’ Konrad Mizzi, li bih il-kumpanija Technoline kienet ingħatat id-dritt esklussiv tal-procurement għat-tliet sptarijiet li ngħataw lil Vitals. Huwa qal li meta Konrad Mizzi ffirma l-kuntratt, Chris Fearne irid iqattgħu. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista staqsa lil Joseph Muscat lil min se jżomm jekk hux ma’ Konrad Mizzi jew inkella ma’ Chris Fearne. Lil min se jkeċċi ‘l barra jekk hux lil Chris Fearne jew inkella lil Konrad Mizzi li qed ikompli jagħmel il-kuntratti tal-miljuni. Adrian Delia qal li kien għalhekk li mar il-Qorti biex jiġġieled dan il-kuntratt u biex l-isptarijiet jingħataw lura għand in-nies. Dan meta Joseph Muscat lanqas irid jiddefendi lilu nnifsu u qed jitlob lill-Qorti biex ma jkunx parti minn din il-kawża.

Adrian Delia qal li Konrad Mizzi irid jinnegozja ħażin ukoll l-għoti ta’ art pubblika bix-xejn biex tinbidel minn skop ta’ turiżmu għal wieħed ta’ spekulazzjoni u bini li minnu jsir gwadann kbir. Huwa qal li fl-għeqqel tal-festi tal-Milied sejjaħ għall-Grupp Parlamentari biex jiddiskuti l-għoti ta’ din l-art, li l-Gvern ried jgħaddi f’ġurnata waħda biss, wara li kien ilu miftiehem tliet snin. Dr Delia qal li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tiġġieled biex art pubblika ma tingħatax bix-xejn għall-ispekulazzjoni meta hawn min m’għandux saqaf fuq rasu. Huwa qal li qed issir pressjoni biex dan it-trasferiment tal-art isir u l-midja qed tirrapporta li l-Gvern se jagħti wkoll il-konċessjoni lill-privat li jitrasferixxi din l-art lil ħaddieħor b’kemm irid u meta jrid.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen li l-biedja għandha ħafna x’toffri għal pajjiżna mhux bħall-Gvern li fil-budget qal li l-biedja mhix ta’ kontribut għall-ekonomija. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista qed jiltaqa’ u jisma’ lill-bdiewa u ressaq proposti konkreti għas-sostenibbilità tal-biedja f’Malta.

Adrian Delia qal li din il-ġimgħa persuna jew persuni mhux magħrufa ppruvaw jakkwistaw l-aċċess tal-profil tiegħu ta’ Twitter mingħajr awtorizzazzjoni. Huwa qal li dawn huma attakki fuqu, l-familja tiegħu u fuq id-demokrazija. Dan meta s-sit elettroniku The Shift News ukoll sofrew attakki fi żmien meta qed jiżvelaw stejjer relatati mal-każ tal-Vitals. Dr Delia qal li l-Gvern ma jittollerax lil min jikkritikah u għalhekk għandna d-dover li nipproteġu l-midja ħielsa, li tkun b’saħħitha li titkellem u tikkritika.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sellem lil Eddie Fenech Adami u ddeskrivih bħala bniedem tan-nies u missier id-demokrazija. Huwa qal li meta l-Gvern irid joħloq a soulless state, il-PN se jibqa’ jiġġieled għall-valuri, bis-saħħa tal-konvinzjoni u tad-determinazzjoni. Adrian Delia qal li min jidhirlu li dan huwa Gvern korrott għandu d-dmir li fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali joħroġ jivvota, għaliex min ma jivvutax ikun ried li Joseph Muscat u Konrad Mizzi jibqgħu jiffangaw aktar mit-taxxi tan-nies.