Lokali

Joseph Muscat konvenjentament iħalli barra lil dawk li qed ibatu l-prezz tal-korruzzjoni

Meta tkellem fuq id-dawl u l-ilma Joseph Muscat konvenjentament naqas milli jgħid li mill-ftehim mal-Electrogas għall-power station il-ġdida f’Delimara, n-nies qed jinsterqu €200 miljun kull sentejn, kif jirriżulta mir-rapport tal-Awditur Ġenerali. Joseph Muscat naqas milli jgħid li taħt il-Gvern Laburista mmexxi minnu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma qed joħorġu aktar għoljin u aktar spiss.

Meta tkellem fuq l-ekonomija, Joseph Muscat konvenjentament ma qalx li hawn 72,000 fil-faqar finanzjarju u ma qalx li l-ġid li qed jinħoloq mhux qed jitqassam għand kulħadd u minflok qed jistgħanaw il-ftit tal-qalba. Joseph Muscat naqas milli jgħid li hawn 3,200 li qed jistennew housing soċjali biex ikollhom saqaf fuq rashom.

Joseph Muscat ma qalx li għall-Gvern immexxi minnu l-bdiewa ma jiswewx, għax kif intqal fil-budget ma jikkontribwixxux għall-ekonomija. Minflok il-Partit Nazzjonalista qed joħroġ bi proposti konkreti għas-sostenibbilità tal-biedja. Gvern Nazzjonalista ġdid se jagħti lura l-flus li n-nies qed iħallsu aktar mis-serq tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma u jagħti garanzija li kulħadd ikollu saqaf fuq rasu.