Lokali

Konrad Mizzi mpoġġi fit-tmun tan-negozjati għall-aktar kuntratti skandalużi li għamel il-Gvern ta’ Muscat

Il-Gvern ta’ Muscat għadu qed jaħbi l-heads of agreement bejn il-Gvern u Sadeen dwar il-proġett taż-Żonqor

B’mod konsistenti l-Ministru Konrad Mizzi, tul il-leġiżlatura l-oħra u anki f’din il-leġiżlatura, tpoġġa dejjem mill-Prim Ministru Joseph Muscat fit-tmun ta’ kważi n-negozjati tal-kuntratti kollha li għamel il-Gvern ma’ terzi u li sal-lum għadhom ta’ dell tqil minħabba l-mod skandaluż li bih insteraq il-poplu Malti u Għawdxi.
Min-negozjati mal-Electrogas dwar il-power station ta’ Delimara għall-bejgħ tal-Isptar San Luqa, l-Isptar Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex lill-Vitals li min-naħa tagħha biegħet kollox lil Stewart għall-prezz redikolu ta’ €1; min-negozjati dwar il-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-Air Malta għall-iżvilupp massiċċ tal-Corintiha Group; mill-involviment indirett u diskret tiegħu fil-proġett massiċċ tal-Grupp DB għan-negozjati dwar l-art taż-Żonqor mal-Grupp Sadeen… U issa, il-possibbiltà kbira ta’ manuvrar fil-kuntratt ta’ €150 miljun għall-iżvulupp tal-inċineratur fil-Magħtab… il-Ministru Konrad Mizzi dejjem kien, direttament jew indirettament, fuq quddiem nett tan-negozjati f’isem il-Gvern tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Dawn kollha huma deals u negozjati li jqanqlu ħafna suspetti għaliex, direttament jew indirettament, il-flus u l-assi tal-poplu Malti ntużaw ħażin.

Id-deal mal-Electrogas
Ir-Rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-power station ta’ Delimara pubblikat is-sena l-oħra, tefa’ piż qawwi fuq il-Ministru Konrad Mizzi u bl-aktar mod dirett enfasizza li Konrad Mizzi għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika dwar in-nuqqasijiet gravi li saru.
Minn dak ir-Rapport partikulari ħareġ ċar li kien hemm 19-il kumpanija li kienet uriet interess fil-proġett li tnaqqset għal 11-il kumpanija. Il-proċess kollu kellu jkun trasparenti u l-Gvern kellu jqabbad nies li jevalwaw l-offerti u jiddeċiedu fl-aħjar interess tal-pajjiż. Dan biex il-poplu jkollu l-irħas prezz possibbli.
Iżda mill-ewwel deher li l-intenzjoni tal-Gvern kienet li n-nies li jitpoġġew fil-Kumitat ta’ Evalwazzjoni jkunu n-nies tan-Nexia BT fosthom Brian Tonna, il-persuna li l-Ministru Konrad Mizzi qabbadha biex tiftaħlu kumpanija sigrieta l-Panama. Dan sar 48 siegħa biss wara r-riżultat elettorali tal-2013.
Id-DNV Cema kienu l-konsulenti tal-Partit Laburista meta qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013 ħareġ bil-proposta tal-Partit Laburista dwar bini ta’ power station tal-gass; liema proposta kienet f’idejn Konrad Mizzi qabel l-2013. Il-konsulent tal-Ministru Mizzi, qabel l-2013, ingħata r-rwol biex l-għażla finali tal-power station tkun identika għal dak li l-PL kien ipprometta. Dan kollu jgħidu l-Awditur Ġenerali fir-Rapport tiegħu.
Barra minn hekk, kien hemm ukoll offerent li qal li l-proġett ma setax ikun vijabbli mingħajr garanzija bankarja mill-Gvern. L-Enemalta kienet ċaħdet dan l-argument. Irriżulta li l-Gvern ħareġ garanzija bankarja ta’ €360 miljun li nkwetat bil-kbir lill-Awditur Ġenerali.
Fir-Rapport tiegħu l-Awditur Ġenerali kkonkluda li ebda offerent ma kellu kollox sew, iżda l-Kumitat ta’ Evalwazzjoni tratta b’mod differenti lil min tefa’ l-offerti. Ċertu kumpaniji tħallew ikomplu għaddejjin bil-proċess minkejja n-nuqqasijiet waqt li oħrajn twaqqfu. Mhux kulħadd kien trattat l-istess.
Fir-Rapport, l-NAO innotat li l-Kumitat ta’ Evalwazzjoni uża riga differenti għall-istess nuqqasijiet. Kien hemm tliet kumpaniji li ma kellhomx l-abbiltà li jirriferu għall-proġetti li għamlu qabel, iżda wieħed minnhom twarrab waqt li l-oħrajn komplew bil-proċess.
Fl-istess Rapport l-Awditur Ġenerali qal li kien hemm inkonsistenza fil-mod kif il-Kumitat ta’ Evalwazzjoni mexa fl-evalwazzjoni tal-offerti. Il-Gvern mexa ħażin anki fuq dawn il-fatti biss.
L-NAO tesprimi tħassib dwar l-€20 miljun li kienu nieqsa fil-finanzjament fit-tul tal-proġett. L-Awditur qal li minkejja din id-diskrepanza, huma tħallew jipproċedu u esprima tħassib serju għall-inklużjoni tal-kumpanija SOCAR; ditta mill-Ażerbajġjan – wieħed mill-aktar pajjiżi krorotti fid-dinja. Is-SOCAR kien jifforma parti mill-Electrogas meta ma kellux qagħda finanzjarja tajba tant li ħareġ mill-konsorzju ftit wara li kien iffirmat il-kuntratt. L-NAO qalet li kienet kontra l-proċedura li min jissuplixxi l-fuel ikun ukoll dak li jmexxi l-proġett.
Irriżulta li l-Minstru Konrad Mizzi rabat idejn il-Gvern biex l-Enemalta tixtri 85 fil-mija tal-gass mill-Electrogas irrispettviamnet mill-prezz tas-suq. Konrad Mizzi rabat il-poplu Malti u Għawdxi li l-gas jinxtara kemm jekk ikun hemm bżonnu kif ukoll jekk le, u Malta se jkollha tħallas bil-prezz miftiehem anki jekk il-prezz internazzjonali jkun orħos.
Ir-Rapport jgħid li qed inħallsu €50 żejda għal kull megawatt. Il-Prim Ministru, li dejjem faħħar dan il-proġett, qisu qed jifraħ li l-poplu qed jinsteraq €100 miljun kull sentejn. Bosta entitajiet ma jemmnux il-kalkoli tal-Gvern meta jgħid li raħħas id-dawl iżda jirriżulta li 80 fil-mija tal-konsumaturi qed jinsterqu fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
L-NAO kellha tħassib serju dwar in-nuqqas ta’ due diligence suret in-nies sa mill-bidu nett tal-proċess tant li ċertu skrutinju sar b’sempliċi google search fuq l-internet. Ir-Review Board irrakkomanda li l-għażla tal-power station fuq l-art kienet tkun waħda ferm aħjar mit-tanker. Fil-fatt, qabel ma rebaħ l-elezzjoni, Konrad Mizzi daħak b’kulħadd meta bellagħha lill-Maltin li l-ħażna tal-gass kienet se ssir fuq l-art, iżda wara li rebaħ il-Gvern, Joseph Muscat biddel il-pjani u minflok ma investa f’tankijiet, tefa’ tanker f’nofs il-port ta’ Marsaxlokk.
Sadattant, Konrad Mizzi u Keith Schembri qabbdu lil Brian Tonna tan-NexiaBT biex jiftaħ il-kumpaniji sigrieti. Twaqqfet ukoll il-kumpanija 17 Black li minnha dawn il-kumpaniji kellhom jirċievu l-miljuni ta’ flus.
Ir-Rapport tal-Awditur Ġenerali hu meqjus bħala kundanna u juri li l-affarijiet ma sarux kif suppost. Dan ifisser li l-Ministru Mizzi se jerġa’ jagħmel l-istess f’kuntratti oħra. Il-Ministru Mizzi ffirma dan il-kuntratt meta kien Ministru tat-Turiżmu għaliex ħadd ma ried jerfa’ din ir-responsabbiltà.

Id-deal mal-Vitals
Dwar l-kuntratt sigriet li l-Gvern għamel ma’ Vitals biex għaddielhom tliet spartijiet mill-aktar importanti – l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex – mhux biss il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fetaħ kawża biex dawn jintraddu lura lill-poplu Malti u Għawdxi, iżda ta’ kuljum qed joħorġu fatti ġodda li litteralment juru li din hi aktar minn deal jinten li għamel il-Gvern, b’mod partikulari l-Ministru Konrad Mizzi.
Bir-raġun kollu li dwar dan id-deal il-Kap Nazzjonalista jdur fuq il-Viċi-Prim Ministru Chris Fearne li għandu s-settur tas-Saħħa f’idejh, u jistaqsih biex jieħu r-responsabbiltà f’idejh u jagħti dawn it-tliet sptarijiet lura lill-familji Maltin u l-Għawdxin.
Il-Viċi-Prim Ministru Chris Fearne kien ammetta pubblikament li dawk li sar il-kuntratt tal-isptarijiet magħhom kienu gidba, iżda issa l-awtorità qiegħda f’idejh stess u hu għandu l-għażla li jreġġa’ l-kuntratt lura.
In-nies qegħdin jistennew li l-Viċi-Prim Ministru Fearne jagħmel l-għażla t-tajba. Il-Maltin u l-Għawdxin jemmnu fit-tobba u fl-infermieri Maltin u fil-kapaċitajiet tagħhom u għalhekk iħossu li pajjiżna għandu jkollu l-isptarijiet f’idejn il-poplu Malti.

Il-proġett tal-privatizzazzjoni tal-isptarijiet kien maħsub biex ifalli, għalkemm illum aktar minn qabel, kulħadd jistaqsi min kien se jagħmel il-flus b’dan il-falliment. Bil-kuntratt li ffirma l-Gvern ta’ Joseph Muscat mal-Vitals Global Healthcare, jekk dawn ifallu u l-Gvern jieħu kollox lura, il-poplu jrid jippremjahom bi €80 miljun.
Bid-deal jinten mal-Vitals, minn qasam ta’ kura u servizz għal min hu l-aktar batut, is-saħħa saret qasam ta’ negozju u spekulazzjoni għal min hu b’saħħtu. Meta jistagħna l-kbir, se jinsteraq iż-żgħir.
Il-bejgħ tal-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech, u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex mhuwiex fl-interess tal-morda, u s-settur tas-saħħa f’pajjiżna qed ibati minħabba din il-konċessjoni.
Kien f’Marzu 2013 meta l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ittieħed mid-dekasteru tal-Ministru għal Għawdex, dak iż-żmien mingħand Anton Refalo, u għadda għand il-Ministru Konr0ad Mizzi.
F’Lulju 2015, Konrad Mizzi kien ħabbar investiment minn Barts bi skola medika f’Għawdex li suppost kellha tilqa’ 5,000 student.
F’Ġunju 2016, il-Vitals ħadu f’idejhom tliet sptarijiet meta l-unions kienu għandhom ma ffirmawx il-ftehim kollettiv għall-ħaddiema, bil-konsegwenza li dawn għadhom sal-lum ma jafux ma’ min huma impjegati u ma’ min sejrin jaħdmu.
F’Awwissu 2016, il-Viċi-Prim Ministru Chris Fearne inawgura servizz ta’ air ambulance u qal li dan kellu jiġi jiswa lill-poplu €1 miljun fis-sena għal 30 sena, waqt li sa dak iż-żmien il-Gvern kien iħallas biss għal dak li juża bi spiża ta’ madwar €200,000 fis-sena.
F’Ottubru 2016, il-Gvern ressaq fil-Kamra tad-Deputati verżjoni ċċensurata tal-kuntratt li ffirma mal-Vitals wara pressjoni mill-Oppożizzjoni.
F’Lulju 2017 kien żvelat li l-Vitals se jitħallsu €70 miljun fis-sena għal 30 sena sħaħ, bi spiża ta’ €190,000 kull ġurnata anke jekk il-pazjenti mhuma qed jieħdu xejn lura.
F’Diċembru 2017, għaxart ijiem qabel daħlet id-direttiva tal-Unjoni Ewropea kontra l-ħasil tal-flus li kienet tikxef il-benefiċarji tal-Vitals, dawn trasferew il-konċessjoni lil kumpanija oħra.
Bir-raġun kollu li bosta argumentaw li l-Ministru Chris Fearne kellu raġun meta stqarr li d-deal mal-Vitals kienet waħda falza u li kienet biss daħka fil-wiċċ.
Il-Gvern ta’ Joseph Muscat ta tliet sptarijiet u minnhom daħħal biss €1. Mhux talli hekk, iżda talli l-Vitals naqsu milli jonoraw il-kundizzjoni li jagħmlu investimenti ġodda. Meta ħadu f’idejhom l-isptarijiet, il-Vitals kienu ħabbru li se jżidu 130 sodda fl-Isptar San Luqa u fl-Isptar Karin Grech; li jibnu sptar state-of-the-art f’Għawdex; u li jibnu skola medika, iżda minn dan kollu ma sar xejn.

Id-deal mal-Grupp Sadeen
Fuq quddiem fin-negozjati mal-Grupp Sadeen, minbarra Kastilja kien hemm ukoll il-Ministru Konrad Mizzi fejn il-Gvern ta’ Joseph Muscat għadu qed jaħbi l-heads of agreement – il-ftehim li sar bejn il-Gvern u Sadeen dwar il-proġett – għaliex dak li ressaq il-Parlament hu biss il-kuntratt dwar it-trasferiment tal-art li l-Gvern qed jgħaddi lil Sadeen, li parti minnha hi art verġni fiż-Żonqor, li għalkemm tnaqqset minn dik proposta oriġinarjament, għadu mhux ċar għaliex il-Gvern irid jgħaddi lil Sadeen din l-art bilfors u bil-veduta tal-baħar.
Diġà tħabbar fix-xhur li għaddew li minbarra li mhux università, din l-istituzzjoni lanqas hi Amerikana.
Oriġinarjament il-Prim Ministru Joseph Muscat kien offra 90,000 metru kwadru kollu kemm hu fiż-Żonqor. Kontra dan, qamet Malta kollha u minn barra lista twila ta’ għaqdiet u istituzzjonijiet oħra, saħansitra twaqqaf grupp għall-Ħarsien tal-ODZ. Dak iż-żmien il-Gvern kien jagħmel l-argument li jew kollox fiż-Żonqor jew xejn, u min kien jitkellem kontra l-proġett kif propost, kien jgħid li hu kontra l-investiment barrani f’pajjiżna.
Il-Gvern tant ried li jimxi bil-pjani oriġinali, li skont l-Avukat ta’ Sadeen stess, il-Gvern lanqas biss offra alternattiva għall-kunsiderazzjoni. Wara l-protesti li saru u l-akbar protesta li qatt saret favur l-ambjent, il-Gvern ried jagħti l-impressjoni li se jerġa’ jaħsibha.
Il-Gvern kien qabbad lill-MEPA biex tagħtih parir dwar siti alternattivi, iżda hu stess mar kontra dak li pproponiet il-MEPA. Mar ukoll kontra l-Awtorità tal-Ippjanar li approva hu stess.
Il-Gvern għażel li jieħu l-pixxina u parti akbar filwaqt li jinjora siti oħra alternattivi proposti. Ir-rapport tal-MEPA jistabbilixxi li filwaqt li l-parti tal-pixxina m’għandhiex valur ekoloġiku, il-partijiet l-oħra tal-madwar fiż-Żonqor kellhom valur ekoloġiku u ambjentali għoli.

Id-deal mal-Grupp Corinthia
Attwali hi d-diskussjoni dwar id-deal tal-Gvern mal-Grupp Corinthia meta l-Gvern irid jagħti biċċa art massiċċa f’Pembroke lil dan il-Grupp bi prezz baxx… u għal darb’oħra meta wieħed jistħarreġ ftit, isib li n-negozju dwar din il-deal – għan-naħa tal-Gvern – tmexxa mill-Ministru Konrad Mizzi.
Hu għalhekk li l-Oppożizzjoni mmexxija mill-Kap Adrian Delia, fil-Kumitat għax-Xogħol tal-Kamra, insistiet li jsir dibattitu parlamentari dwar l-għoti tal-art bi prezz kunsidrat baxx lill-Corinthia Group kif innegozjah il-Ministru Konrad Mizzi.
Din il-pożizzjoni, l-Oppożizzjoni ħaditha fil-Kumitat għax-Xogħol tal-Kamra permezz tal-Viċi-Kap David Agius u l-Whip Robert Cutajar Cutajar li informa lill-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra li l-Oppożizzjoni se tivvota kontra l-kuntratt kif innegozjat mill-Ministru Konrad Mizzi; liema kuntratt kien preżentat qabel il-Milied fil-Kumitat tal-Verifika.

L-Oppożizzjoni talbet biex kif hu stipulat fil-liġi, wara li kien dikjarat li l-Oppożizzjoni mhix se tivvota mal-Gvern, għandha ssir diskussjoni fil-plenarja.
Dan il-każ kien trattat ukoll mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li ddikjara l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni kontra l-mod kif saru n-negozjati. Il-kuntratt kien mar quddiem il-Kumitat tal-Verifika fejn il-membri tal-Oppożizzjoni Beppe Fenech Adami u Mario de Marco se jivvutaw kontra. F’dan il-Kumitat il-Whip Robert Cutajar hu nominat mill-Kap tal-Oppożizzjoni.
Ftit qabel l-aħħar tas-sena, lill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista sariltu preżentazzjoni mill-uffiċjali tal-Corinthia dwar il-proġett propost.