Futbol Sport

Jesmond Abela ma jeskludix li Hibernians jipprotestaw wara t-telfa kontra Valletta għal żball tekniku

(Ritratt: Joseph Galea)

It-Team Manager ta’ Hibernians Jesmond Abela mhux qed jeskudi li Hibernians jitfgħu protest quddiem l-MFA b’rabta mat-telfa li sofrew il-Ħadd li għadda kontra Valletta. Din il-logħba li ntrebħet mill-Beltin 2-1, kienet karatterizzata minn diversi episodji kontroversjali li żgur kellhom impatt fuq ir-riżultat finali.

Abela qal dan waqt il-programm radjofoniku Replay Ikompli fuq Net FM. “Sfortunatament meta suppost qed nitkellmu fuq l-aqwa logħba tal-istaġun u l-pika sportiva ta’ bejnietna, qed nitkellmu fuq żbalji u oltre minn hekk għalija jien u b’responsabbiltà qed ngħidha din, fuq id-deċiżjonijiet ħżiena tat-terna arbitrali għax mhux sewwa ngħidu fuq ir-referee biss.”

Jesmond Abela kompla li għalih l-iżball beda qabel il-partita b’referenza għall-ħatra tal-uffiċjali, fejn sostna li nħatar referee mhux fuq il-panel tal-FIFA u li r-raġuni tgħid li terfa’ l-aħjar għall-aħjar.

“F’din il-logħba partikolari, ir-referee kien determinanti biex il-logħba marret fuq naħa minnhom,” kompla Abela. Għalih l-akbar oxxenita kien l-episodju ta’ qabel tmiem l-ewwel taqsima meta r-referee Philip Farrugia saffar għal tmiem it-taqsima f’sitwazzjoni meta Hibernians dehru li qabdu lil Valletta b’kontrattakk f’nofs il-grawnd tagħhom.

“Dan kellu l-arloġġ f’idu, ra li ma għaddewx iż-żewġ minuti, ra li qbadnihom fuq kontrattakk u lilna ddeċieda li jwaqqaf l-azzjoni biex ma jkollniex ċans niskorjaw. Għażla tiegħu mhux il-każ ta’ interpretazzzjoni u marru jiġbdulu l-attenzjoni l-plejers mill-ewwel.”

Abela magħruf aħjar bħala “il-Hutch”, wissa li dawn id-deċiżjonijiet se jħallu impatt fuq l-istaġun kollu u sostna li “if they are not fit for purpose iwarrbu.”

It-Team Manager tal-Pawlisti għamel referenza għad-dokument magħruf bħala “Laws of the Game” fejn f’paġna 81, kapitlu 7 punt numru 3 hemm miktub li referee jista’ jżid mal-ħin miżjud iżda ma jistax inaqqsu. “Iridu jerfgħu r-responsabbiltà, in-nies li appuntaw lil dan l-uffiċjal u l-uffiċjali tal-logħba.”

Dwar l-episodji l-oħra fil-logħba, Abela qal li l-gowl ta’ Hibernians kien regolari għaliex saħaq li l-plejer ta’ Valletta mess il-ballun l-aħħar allura jaqa’ l-offside. Dwar l-episodju bejn Marcelo Dias u Matteo Piciollo hu qal li Dias kellu jitkeċċa, filwaqt li kien kontra li Valletta ngħataw penalty għal fatt li fl-azzjoni Mario Fontanella kien offside filwaqt li Jurgen Degabriele ma waqqax il-plejer Belti.

Jesmond Abela għamel aċċenn dwar l-użu tal-VAR f’pajjiżna fejn qal li “min qed jgħid li jrid idaħħal il-VAR, jew irid jitmejjel bin-nies, għax hawn anqas għandna ħila nagħmlu biċċa logħba aħna.” Hu saqsa għaliex tneħħew l-assistenti referees addizjonali u min ħa d-deċiżjoni biex dawn jitneħħew.