Lokali

In-nuqqas ta’ trasparenza fil-bejgħ tal-passporti spiċċa biex tefa’ lil Malta taħt il-lenti tal-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea llum ċċertifikat dak li l-Partit Nazzjonalista ilu jgħid li l-bejgħ tal-passaporti qed iġib miegħu riskji kbar li qed jipperikolaw ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Dan wara li l-Kummissjoni Ewropea ppreżentat għall-ewwel darba rapport komprensiv dwar l-iskemi ta’ ċittadinanza, fejn jingħad li hawn nuqqas kbir ta’ informazzjoni ċara dwar kif qed jitmexxew dawn l-iskemi.

Hekk sostna l-PN fi stqarrija maħruġa mill-kelliem tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina.

Mir-rapport jirriżulta li jeħtieġ assessjar rigoruż u aktar verifiki sabiex jiġi żgurat li ma jsirx ħasil tal-flus u lanqas ikun hawn persuni li jieħdu xi vantaġġ mill-bejgħ tal-passaporti biex jibbenefikaw minn xi regoli fiskali privileġġjati. Punt ewlieni ieħor li l-Kummissjoni Ewropea qed tisħaq huwa li mhux qed nobbligaw r-residenza fiżika lil min jixtri l-passaport Malti u lanqas rekwiżiti oħra ta’ rabta ġenwina ma’ pajjiżna qabel jingħataw iċ-ċittadinanza.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni Ewropea se tkun qed twettaq monitoraġġ biex tara l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti tkun konformi mar-regoli Ewropej. L-iskema tal-bejgħ tal-passaporti hija ta’ interess kbir għall-Unjoni Ewropea għaliex kull persuna li takkwista ċ-ċittadinanza ta’ pajjiż membru awtomatikament tingħata wkoll iċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea.

Il-Partit Nazzjonalista jagħmilha ċara li r-reputazzjoni ta’ Malta qatt ma kienet taħt il-lenti fil-passat, u li l-bejgħ tal-passaporti li daħħal il-Gvern Laburista ġab miegħu bosta riperkussjonijiet serji minħabba n-nuqqas ta’ due diligence tajjeb li qed isir fuq min qed japplika biex jixtri ċ-ċittadinanza Maltija. Dan kif rimarkat mill-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport, u ta’ rapporti oħra ta’ aġenziji internazzjonali li jikkundannaw l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti u taċ-ċittadinanza, filwaqt li jisħqu li qed tagħti lok għall-abbuż u timmina l-ġlieda kontra l-korruzzjoni madwar l-Ewropa.

Għalhekk il-PN qed jinsisti mal-Gvern li għandu jieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex jissalvagwardja isem pajjiżna u r-reputazzjoni tagħna biex ma ssirx aktar ħsara lill-investiment. Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ kontra l-bejgħ taċ-ċittadinanza u se jibqa’ jagħmel pressjoni kbira fuq il-Gvern biex jiġu mħarsa setturi relatati bħalma huwa s-settur tas-servizzi finanzjarji li joffri eluf ta’ postijiet tax-xogħol lill-professjonisti u ż-żgħażagħ.