Lokali

Ir-raba’ vapur għall-Għawdxin għadu ‘l bogħod

Il-Ministru ta’ Għawdex Justyne Caruana ammettiet li r-raba’ bastiment tal-Gozo Channel fadallu biex jiddaħħal… u wara li wegħditu hi stess, issa tiddikjara li ma tistax taqbad u ddaħħal ir-raba’ vapur għax il-Gozo Channel jaħdem taħt ftehim.

Meta mistoqsija dwar wegħda li kienet għamlet hi stess lill-Għawdxin xhur ilu, Justyne Caruana kkonfermat li m’hemm l-ebda ftehim. Dan hekk kif tammetti li għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet u li dan irid isir b’kawtela.

“Dawn huma diskussjonijiet li wieħed irid jagħmel b’kawtela, fil-mument propizju, u mhix kwistjoni li wieħed jagħmel dikjarazzjoni sempliċiment biex ikun għamilhom,” qaltilna l-Ministru Caruana.

Il-kumment li kollox irid isir b’kawtela, mingħajr għaġġla, jistona mal-fatt li l-Ministru Caruana stess ammettiet li kien hemm żieda drastika fl-ammont ta’ nies li jaqsmu lejn Għawdex. Dan qed wassal ukoll għal piż żejjed u diversi problemi għall-Għawdxin.

“Hemm ċirkostanzi li wieħed irid japprezza. Il-Gozo Channel qed topera fl-isfond ta’ ftehim u allura mhux sempliċiment kemm taqbad u ġġib vapur biex jibda jopera,” tiddikjara l-Ministru għal Għawdex.

Meta l-Għawdxin deher li se jkollhom xaqq ta’ dawl biex din il-wegħda titwettaq, is-sena li għaddiet il-proposta weħlet għand il-Ministeru tal-Finanzi li m’approvax nefqa ta’ €3,000 kuljum biex jinkera bastiment ieħor.

Għall-Għawdxin fl-2013 kienet saret ukoll il-wegħda tal-ħolqien ta’ sistema ta’ Fast Ferry, iżda anke hawn għaddew ħames snin u nofs … u baqa’ ma sar xejn.

Il-kummenti tal-Ministru waslu fi tmiem żjara li l-midja kellha f’Villa Lauri, f’Birkirkara. Il-villa, proprjetà tal-Franġiskani, se tiġi restawrata u offruta lil studenti Għawdxin li jkollhom bzonn akkomodazzjoni f’Malta…. kif ukoll pazjenti li jkunu Malta għall-kura.

F’kummenti ma’ dan is-sit, Fr Richard Stanley Grech mill-komunità tal-Franġiskani stqarr li jinsabu “kburin u fl-istess ħin nemmnu li qed ngħixu s-sejħa tagħna li, dak li l-Bambin jipprovdilna u l-mezzi għad-dispożizzjoni tagħna, inkunu qed nagħtu ħafna lura lis-soċjetà.”

Ix-xogħol estensiv fuq dan il-post storiku mistenni jkun lest sas-sena d-dieħla biex il-villa tikseb mill-ġdid il-glorja tagħha, u tkun tista’ takkomoda mat-33 persuna fuq tliet sulari.