Lokali Qorti

“Mhux se nċedu għar-rikatt tal-Prim Ministru” – il-familja Caruana Galizia

Strateġija ċara minn naħa ta' Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jippretendi li l-qraba tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia jaċċettaw ir-rapport tal-Inkjesta Egrant mingħajr ma kellhom l-opportunita li jaraw il-kontenut sħiħ tar-rapport.

Dan jirriżulta minn xhieda li ta l-PM fil-Qorti b’rabta ma libel li kien fetaħ lil ġurnalista maqtula, bil-qraba ta’ Caruana Galizia jinsistu li mhu se jċedu ghall-ebda rikatt minn naha tal-Gvern.

Mhux talli Joseph Muscat irid li l-familjari jaċċettaw ir-rapport tal-inkjesta, iżda qed jheddidhom li jekk ma jaghmlux dan hu kien se jibqa għaddej bil-kawża ta’ libel kontra l-ġurnalista maqtula. Min-naħa l-oħra, Joseph Muscat qatt ma wettaq il-wegħda li għamel f’Mejju li għadda; li behsibu jippublika r-rapport sħiħ tal-inkjesta Egrant.

Fost dawk li għandhom aċċess għal dan ir-rapport hemm il-Head of Communications ta’ Kastilja Kurt Farrugia li taħt ġurament ammetta li jżomm ir-rapport fl-uffiċċju tiegħu minn fejn issir l-istrateġija tal-kommunikazzjoni ta’ Kastilja. Għandu r-rapport ukoll il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici…li ammetta taħt ġuramet li hu qed iservi ta’ avukat tal-Prim Ministru minkejja l-kunflit ta’ interess li għandu bhala Ministru tal-Ġustizzja.

Fil-fatt, l-Avukat Ġenerali li jirrapporta lejn Owen Bonnici, qed iżomm lill-Oppożizzjoni milli tara r-rapport sħiħ tal-inkjesta.

Kien il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni Adrian Delia li fetaħ kawża kostituzzjonali biex iġiegħel lill-Avukat Ġenerali juri r-rapport tal-inkjesta sħiħ iżda min-naħa tiegħu, l-Avukat Ġenerali bl-appoġġ tal-Gvern ta’ Joseph Muscat qed jagħmel minn kollox biex dan ma jseħħx.

B’hekk l-istrateġija ta’ Kastilja hi ċara. Fuq naħa l-Avukat Ġenerali u l-Ministru Owen Bonnici qed jipprovaw iwaqfu l-pubblikazzjoni tal-inkejsta Egrant waqt li fuq in-naħa l-oħra Joseph Muscat qed jipprova jġiegħel lill-familja Caruana Galizia biex jaqblu mar-rapport tal-inkjesta li għadhom ma rawx billi jhedded li mhux se jirtira l-libel kontra l-ġurnalista maqtula.