Lokali

“Irridu ngħinu lill-bdiewa u r-raħħala sabiex jikbru u l-prodott tagħhom jissaħħaħ”- Adrian Delia

”Irridu u se ngħinu lill-bdiewa u r-raħħal tagħna għax għalina għandhom ħafna x’jikkontribwixxu lejn l-ekonomija u s-soċjetà. Mhux bħall-Gvern li fl-aħħar budget għamilha ċara li l-bdiewa u r-raħħala ma jikkontribwixxu xejn għall-ekonomija.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta ressaq il-proposti tal-partit għas-sostenibbilità tal-biedja f’Malta lil numru ta’ għaqdiet li jirrappreżentaw lill-bdiewa u r-raħħala.

Dr Delia qal li l-Partit Nazzjonalista jinteressah mis-setturi tal-biedja u t-trobbija tal-annimali u għalhekk l-Oppożizzjoni se tkun vuċi soda għall-bdiewa u r-raħħala. Huwa qal li bil-proposti tiegħu, il-PN se jgħin fit-tisħiħ tal-prodott lokali, billi nsaħħu l-ħidma tal-għaqdiet tal-bdiewa u raħħala b’assistenza teknika, inkluz fil-promozzjoni tal-prodott Malti. Dan permezz ta’ għodod Ewropej li jistgħu jgħinu lill-bidwi u r-raħħal Malti jikkompetu f’suq miftuħ.

Il-proposti tal-PN jinkludu l-użu ta’ regolamenti Ewropej għall-promozzjoni tal-prodott frisk Malti, u regolamenti Ewropej oħrajn li bihom jsir marketing effettiv tal-prodotti Malti barra minn xtutna. Dan ir-regolament qatt ma ntuża mill-Gvern minkejja li ilu fis-seħħ għal dawn l-aħħar sitt snin.
Filwaqt li l-popolazzjoni żdiedet b’14%, il-bejgħ fil-Pitkalija naqas b’20% f’Malta u 35% f’Għawdex u l-qliegħ mill-biedja naqas b’9% matul is-sena li għaddiet. Huwa qal li jekk il-bdiewa u r-raħħal jfallu se jispiċċaw jbati kulħadd għax ma jkunx hawn prodott frisk Malti.

Dr Delia sema’ lir-rappreżentanti tal-għaqdiet, li tkellmu u elenkaw il-preokupazzjonijiet tagħhom dwar il-qagħda mwiegħra tal-biedja lokali u l-ħtieġa li l-biedja titla’ fil-prijoritajiet tal-politika f’Malta. L-għaqdiet preżenti kienu jirrappreżentaw firxa ta’ setturi mill-biedja tradizzjonali sat-trobbija tal-majjal u l-produtturi tal-ħalib.

Matul din il-laqgħa, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli u l-Kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius.

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jorganizza laqgħat għall-bdiewa biex jispjega dawn il-proposti b’eżempji prattiċi. L-ewwel laqgħat se jsiru fit-23 ta’ Frar f’Għawdex u l-1 ta’ Marzu f’Malta.