Argument bejn żewġ studenti fl-Iskola Sekondarja ta’ Pembroke, parti mill-Kulleġġ Santa Klara, wassal biex żewġ edukaturi sofrew feriti ħfief u kellhom jittieħdu fil-Poliklinika għall-kura.
L-argument bejn iż-żewġ studenti beda għall-ħabta tal-11am u għal xi raġuni, matulu weġġgħu wkoll iż-żewġ edukaturi, li aktarx ippruvaw iferrquhom. L-Amministrazzjoni tal-Iskola sejħet għall-ġenituri tal-istudenti, iżda x’ħin il-ġenitur u qraba ta’ wieħed mill-istudenti waslu fl-Iskola, is-sitwazzjoni kompliet teskala.
Fi stqarrija, il-Ministeru tal-Edukazzjoni qal li qed isegwi mill-qrib dak li seħħ f’din l-Iskola Pubblika, għalkemm ftit li xejn ta informazzjoni dwar x’ġara. Bħalma lanqas ma inkluda d-dettall li żewġ edukaturi sofrew xi feriti.
Dan fid-dawl tal-fatt li x-xahar li għadda, il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo stqarr ma’ NET News li l-Gvern mhux se jkunlu possibbli jżid uffiċjali jew sistemi tas-sigurtà fl-Iskejjel kollha f’sena sħiħa. Il-Ministru kellu jammetti dan il-fatt minkejja li pprova jiftaħar li l-Gvern iddedika 280,000 ewro għal aktar sigurtà fl-Iskejjel.
Kienet l-Union tal-Għalliema (MUT) li fil-ġimgħat li għaddew appellat lill-Gvern biex jiżdiedu l-mezzi kollha possibbli tas-sigurtà ħalli jkunu evitati kwalunkwe forma ta’ vjolenza. Issa, l-MUT reġgħet għamlet l-istess appell wara dan l-aħħar każ, xahar wara l-appell oriġinali u hekk kif l-Union tal-Għalliema rrealizzat li t-talba tagħha tidher li waqgħet fuq widnejn torox.
Stqarrija mill-kelliem tal-Oppożizzjoni Clyde Puli
Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija kkundanna kull tip ta’ vjolenza li ssir fl-iskejjel Maltin, kemm jekk fuq għalliema u edukaturi u kemm jekk fuq studenti. Dan wara l-inċident li seħħ illum fl-iskola sekondarja tal-Kulleġġ Santa Klara f’Pembroke, skola li tilqa’ fiha kemm il-middle u kemm is-senior school u li preżentament m’għandhiex Prefect of Discipline bħalma m’għandhomx 5 kulleġġi oħra f’Malta.
Filwaqt li jesprimi l-appoġġ tiegħu lill-għalliema, il-Partit Nazzjonalista qed jistenna li l-Gvern jieħu azzjoni konkreta, l-aktar fid-dawl tar-rapport tal-Unjin tal-Għalliema (MUT), li ġie ppubblikat ftit tal-ġimgħat ilu fejn irriżulta li kważi 90% tal-għalliema qalu li kellhom esperjenza ta’ aggressjoni fl-iskola tagħhom fl-aħħar sentejn.
Il-Gvern għandu jara li fir-rigward tal-każ ta’ vjolenza tal-lum, tingħata l-għajnuna kollha lill-għalliema u lill-istduenti li kienu involuti fl-aggressjoni waqt li għandu jassigura li l-iskejjel ikollhom ambjent aktar sigur u dan jista’ jsir biss jekk kemm-il darba l-iskejjel ikunu mogħtija aktar riżorsi umani, fosthom social workers u guidance teachers biex jilqgħu għall-isfidi differenti li jaffaċċjaw diversi studenti.
Jekk kemm-il darba l-Gvern mhux se jimpenja ruħu bis-serjetà, pajjiżna se jkompli jesperjenza żieda ta’ riżenji mill-edukaturi tiegħu. Is-sena li għaddiet irriżenjaw 57, waqt li fl-ewwel xahar tas-sena diġà rriżenjaw 9 edukaturi minħabba d-diversi diffikultajiet li qed isibu quddiemhom.
//= $special ?>