– Clyde Puli, PN
Id-deputat Nazzjonalista Clyde Puli qal li fis-settur tal-edukazzjoni hemm kriżi ta’ governanza f’diversi setturi fosthom fin-nuqqas ta’ skejjel ġodda, nuqqas ta’ faċilitajiet, nuqqas ta’ għalliema, problemi kbar fis-sigurtà tal-għalliema u fid-diversi skemi li dan il-gvern waqqaf u reġa’ ddaħħalhom b’mod ħażin.
Fil-parlamnet Clyde Puli qal li hemm kriżi ta’ governanza fl-edukazzjoni li tirriżulta min-numru ta’ fatturi fosthom in-nuqqas ta’ bini ta’ skejjel. Hu semma’ l-wegħdi dwar l-iskejjel ta’ Marsascala u ta’ San Pawl il-Baħar fejn hemm 1.000 student u fejn hemm containers ikkonvertiti fi klassijiet. Dawn l-iskejjel ma tlestewx u l-wegħdi tal-2013 ma nżammux.
Hu semma’ l-iskema tal-frott b’xejn għat-tfal tal-iskejjel; liema skema hi tal-UE fejn inġiebu wkoll fondi għaliha. Hu semma’ l-importanza tal-ikel tajjeb fost it-tfal u qal li l-iskema diġà kienet hemm iżda twaqqfet minn dan il-gvern u reġgħet inbdiet b’mod imbgħabas. Fl-offerta tħalliet barra l-kundizzjoni li l-frott irid ikun frisk u tal-istaġun iżda l-frott mhux ikun tal-aħjar kundizzjoni.
Il-kriżi ta’ governanza tidher ukoll dwar l-iskema ta’ trasport b’xejn għat-tfal kollha; liema skema kien ħareġ biha l-PN u dwarha kien hemm qbil. Il-PN appoġġja din l-iskema li għaliha kien hemm sena ta’ preparamenti iżda sa lejliet li fetħet l-iskola, l-ġenituri ma kienux jafu jekk hux se jkollhom trasport. Kien hemm min kellu trasport u dan kien irtirat. Il-Prim Ministru waħħal fil-PN, fil-ġenituri u fir-rapport. Hemm 800 tifel u tifla li baqgħu bla trasport b’xejn.
Fl-aħħar xhur u ġimgħat kien hemm taħwida fil-pagi tal-għalliema tal-MCAST fejn il-union ħadet azzjonijiet industrijali. Kien hemm ukoll id-dewmien biex joħorġu l-istipendji tal-istudenti. Dan kollu jeffettwa lill-istudenti. Qabel kien ikun hemm strumenti ta’ kejl għall-progress tal-istudenti f’diversi suġġetti iżda issa dawn l-istudji mhux isiru iktar.
Hu pparaguna din is-sitwazzjoni mal-faqar u qal li bħalissa hawn 72,000 persuna jgħixu fil-faqar minkejja li l-PL kien wiegħed li se jeqred il-faqar totalment. Hemm ukoll 3,000 applikant bla saqaf.
Clyde Puli qal li hawn nuqqas ta’ għalliema li qed jinħass f’diversi suġġetti; m’hemmx pjan kif din il-problema tissolva. It-tkabbir fil-kuntest tal-ħaddiema barranin qed isir bla pjan fid-diversi setturi effettwati, qal Clyde Puli, li kompla s-settur edukattvi qed joħloq pressjoni għal aktar spazju u għalliema. Quddiem din is-sitwazzjoni l-gvern iħabbar suġġetti ġodda li għalihom m’hemmx għalliema. Dan qed tgħidu l-union tal-għalliema. Jirriżulta li l-għalliema huma dimotiviati u jekk isibu xogħol ieħor jitilqu.
Il-kriżi tiżdied minħabba li 90% tal-għalliema qalu li f’xi ħin kienu suġġetti għal xi forma ta’ abbuż. Fl-aħħar jumejn seħħu żewġ inċidenti ta’ abbuż ta’ għalliema fuq xulxin. Jidher ċar li hemm kriżi ta’ governanza fejn il-problema ta’ sigurtà fl-iskejjel mhix qed tkun indirizzata. F’10 kulleġġi lanqas għad hemm prefect of discipline wieħed għal kull kulleġġ. Nofs il-kulleġġi ta’ Malta m’għandhomx prefect of discipline.
Clyde Puli qal li l-Ministru ftiehem mal-univeristà biex il-kors tal-għalliema jittella’ għal masters u jitfassal il-kors professjonali iżda l-gvern waqqaf istitut tiegħu u flok jagħmel il-kors bl-istess livell tal-univeristà jagħmel wieħed b’livell inqas.
Hu appella lill-gvern biex jieħu din l-isfida bis-serjetà u biex iħares lejn il-persuni u mhux lejn iċ-ċifri. Hu qal li l-istudenti mhux iħossu aspetti pożittivi biex jieħdu l-opportunitajiet tal-futur. Is-sistema edukattiva mhix tilħaq lit-tfal kollha.
//= $special ?>