Edukazzjoni Lokali

Is-settur edukattiv fi kriżi minħabba Gvern bla pjan fl-edukazzjoni u fit-tkabbir tal-popolazzjoni

F'San Pawl il-Baħar u fiż-Żejtun it-tfal kostretti jagħmlu l-lezzjonijiet fi skejjel iffullati u f'kontejners mibdula fi klassijiet temporanji

It-tfal fl-iskola ta’ San Pawl il-Baħar u ż-Żejtun qed ikunu kostretti jagħmlu l-lezzjonijiet fi skejjel iffullati li m’għandhomx biżżejjed klassijiet biex jitgħallmu fihom. Hekk stqarr il-PN fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli.

Minħabba nuqqas ta’ viżjoni ekonomika għajr dik ta’ tkabbir ekonomiku bil-popolazzjoni u nuqqas ta’ pjan fit-tul fl-edukazzjoni, it-tfal ta’ dawn l-iskejjel qed jispiċċaw jitgħallmu f’kontejners mibdula f’mobile classrooms minflok fi klassijiet bħal sħabhom. Dan għaliex il-Gvern spiċċa jipposponi minflok jibni skola ġdida kull sena li taqdi l-ħtiġijiet ta’ edukazzjoni moderna u taż-żieda fil-popolazzjoni tal-lokalitajiet rispettivi.

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN fakkar kif fl-aħħar xhur ix-xogħol ppjanat fl-iskejjel ta’ San Pawl il-Baħar u ż-Żejtun waqgħu lura b’konsegwenzi għall-istudenti u l-għalliema. Din is-sena skolastika wkoll il-Ministeru tal-Edukazzjoni diġà waqa’ lura wkoll fit-tlestija tax-xogħol skedat fl-iskola ta’ Marsaskala fejn l-istudenti ma setghux jidħlu fl-iskola l-ġdida mill-bidu tas-sena skolastika kif kien imwiegħed.

L-iskola primarja li qed tintuża’ bħalissa f’San Pawl il-Baħar ilha mibnija mill-1956 u llum tilqa’ fiha aktar minn elf student, b’persentaġġ qawwi ħafna minnhom huma barranin li ġew jgħixu f’pajjiżna. Din is-sitwazzjoni hija frott it-tkabbir tal-popolazzjoni bla pjan li imbarka fuqu l-Gvern.

Din iż-żieda fil-popolazzjoni fl-iskejjel qed toħloq diffikultajiet lill-ghalliema u tkompli żżid mal-isfidi kbar li jaffaċċjaw minħabba in-nazzjonalitajiet differenti li wiehed isib fl-iskola. L-iskola ta’ San Pawl il-Baħar hija l-aktar waħda multi-kulturali li hawn f’pajjiżna, b’madwar 60 nazzjonalità lkoll jitgħallmu fl-istess klassijiet.

Flok jhedded bil-pensjonijiet, il-Gvern għandu jara li minnufih ifassal pjan konkret kif se jindirizza d-diffikultajiet li qed jitfa’ fuq l-għalliema bil-problemi li ħoloq hu stess.

Il-Gvern għandu wkoll jieħu b’serjetà l-bini ta’ skejjel ġodda fl-aħjar interess tal-għalliema u tal-istudenti. Ghall-Partit Nazzjonalista l-istandards fl-edukazzjoni ghandhom ikunu skejjel u klassijiet tal-aqwa kwalità u mhux studenti li jispiċċaw jitgħallmu fil-kontejners.

Intant il-Ministru tal-Edukazzjoni nniffsu llum ammetta ma’ Net News li filwaqt li fl-2013 kien hemm skejjel li kienu ser jinbiegħu minħabba t-tnaqqis fil-poploazzjoni, issa qegħdin fi kriżi ta’ spazju, propju grazzi għal nuqqas ta’ ppjanar.

Fid-dawl tal-kummenti tal-President tal-MUT Marco Bonnici dalgħodu lit-Times of Malta fejn qal li għadd kbir ta’ għalliema qed imorru fuq il-post tax-xogħol imbeżżgħin, il-Ministru Bartolo pprova jagħti l-impressjoni li mhemmx problemi. Meta mbagħad kwotajana statistika tal-MUT li tgħid li 9 minn kull 10 edukaturi soffrew xi tip ta’ abbuż fl-aħħar sentejn, Bartolo giddeb din l-istatistika u qal li din mhux realistikà.