Lokali Parlament

Joseph Muscat ma żammx kelmtu dwar il-meritokrazija u l-għaqda nazzjonali

– Ivan Bartolo, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo qal fl-Aġġornament li l-Prim Ministru Joseph Muscat ma żammx kelmtu dwar il-meritokrazija u l-għaqda nazzjonali.

Fl-aġġornament tal-parlament id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo semma’ li fil-konferenza ġenerali tal-Partit Laburista tal-21 ta’ Jannar, 2012, il-Mexxej Laburista kien qal:“Dħalt fil-politika biex inbiddel u nixtieq pajjiż aħjar milli hu llum.  Jien lest u preparat biex ngħaqqad.”

L-unika verità li qal dakinnhar kien dan il-kliem: “L-ewwel sfida li kellna 4 snin ilu, kienet li ningħaqdu. Ejja nammettu li konna mfarkin bejnietna.” Imbgħad tas-Super One, kontinwament jistagħġbu b’ħaddieħor. Imbgħad ma’ dawn iridu jagħtu l-impressjoni li magħqudin daqs il-kolla tal-mastrudaxxa. X’ironija! Priedka li għandna nittrattaw lil xulxin b’ dinjità u b’rispett lil kull persuna, ikun xi jkun it-twemmin tagħha, is-sess tagħha u l-kulur tagħha.

Diskors sabiħ miktub fuq biċċa karta, iżda d-diskors baqa’ fuq il-karta. Nittamaw li jidħol fih inniffsu u jerġa jiskopri dik il-boxxla, dak il-kumpass, li jagħtina direzzjoni ċara. Dan hu l-pedament ta’ Malta tagħna lkoll.
Imma sfortunatament dan il-Gvern, għandu qxur li jgħatti l-qofol tal-veru valuri tiegħu; l-aktar fejn jidħol il-valur li jkun Gvern ta’ kulħadd. Jekk dawn jemmnu f’ kollox, żgur li ma jemmnux fid-dinjità ta’ kull bniedem. Ħallew ipparkjati f’ ġemb lil bosta ħaddiema minħabba li jħaddnu twemmin differenti, bl-iskuża li ma tistax tafdhom.

Pajjiżna llum qed iħallas il-prezz tal-wegħdiet li għamlu mal-eletorat Malti fir-raba’ sular tal-kwartieri fil-Mile End. Il-preferenzi minn missier bejn l-aħwa huma l-qerda tal-familja u l-preferenza minn missier il-Maltin hija l-qerda tal-pajjiż. Missier il-Maltin ma jistax ikun missier il-laburisti biss.

Ivan Bartolo kompla li l-governanza li tifred, li hija mibnija fuq il-privileġġ tal-ftit jew li tippromwovi bla skruplu lealtà lejn il-partit politiku iktar milli lejn l-Istat, hija tradiment u velenu għall-ġid komuni tas-soċjetà. Dan hu l-pedament ta’ Malta tagħna lkoll. Li tkun politiku ma jfissirx li jċapċpulek dejjem.

Hemm mumenti fejn trid turi snienek, l-aktar meta xi ħadd li int responsabbli għalih ma jimxiex mal-linja li priedkajt. Jekk Deputat min tiegħek fil-każin Laburista ta’ Birkirkara, jgħid quddiemek: “Ejja nibżgħu għan-nies tagħna. Ejja nibżgħu għal-laburisti. Għal dawk li dejjem emmnu fl-ideal laburista tul is-snin.”

Ara l-Prim Ministru Lawrence Gonzi, ma mexiex bl-istess kejl mal-familja tiegħu għax lil missieru poġġieh President. Għandi rispett kbir lejn din il-familja, imma ma nistax ma nikkundannax diskors li jifred lil Maltin u lil Għawdxin. Kieku xi ħadd minn sħabi jgħid kliem bħal dan, ma nħossnix komdu, anzi niddisassoċja ruħi minnu, sostna d-deputat Nazzjonalista.