Ambjent Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

“Nagħmlu lil Malta ħielsa minn plastik li jintuża darba biss” – MEP Metsola

Waqt djalogu pubbliku organizzat mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, l-MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola talbet lill-pubbliku biex jagħmel l-isforzi tiegħu u “jingħaqad fil-gwerra kontra l-plastik.”

L-MEP Metsola, li poġġiet il-protezzjoni tal-ambjent bħala prijorità fil-ħidma tagħha bħala rappreżentanta tal-poplu Malti u Għawdxi fil-Parlament Ewropew, qalet “plastik li jintuża darba biss qed jimblokka l-baħar, joqtol il-ħajja fil-baħar u joħloq ħsara irreparabbli għall-ambjent naturali ta’ Malta u Għawdex.”

L-MEP Metsola faħħret il-projbizzjoni tal-UE fuq prodotti bi plastik li jintuża darba biss, bħal straws u tazzi tal-polystyrene, li se tidħol fis-seħħ fl-2021, filwaqt li qalet “statistiċi nkwetanti juruna li kważi 75% tal-ħmieġ fl-oċeani hu plastik. Malta u Għawdex m’humiex differenti. Ħafna minnu hu plastik li jintuża darba biss u li ma jiġix degradat, jiġifieri plastik li jibqa’ fl-eko-sistemi għal sekli sħaħ, u jagħmel ħsara għal saħħitna, joqtol il-ħut kif ukoll il-fkieren. Ma nistgħux nibqgħu għaddejjin b’din ir-rata. Wasal iż-żmien għal bidla – u mhux qed nitkellem biss fuq plastik, imma fuq is-sistema tal-immaniġġjar tal-iskart li għandha bżonn tiġi aġġornata u infurzata.”

L-MEP Metsola qalet “li mhux faċli li nbiddlu l-mod kif nittrattaw l-iskart u x’nagħmlu bi prodotti li jagħmlulna l-ħsara. Lanqas mhi xi ħaġa li tista’ tinbidel mill-lum għal għada. Imma hemm passi żgħar li nistgħu nieħdu flimkien biex innaqqsu l-impatt fuq l-ambjent. L-ewwel pass, u l-aktar wieħed problematiku, hu li nnaqqsu jew neliminaw l-użu ta’ kontenituri tal-plastik li jintuża darba biss.”

L-MEP Metsola qalet “l-impatt ta’ deċiżjonijiet żgħar jista’ jkun kbir. Immaġina kieku minflok ma nużaw il-basktijiet tal-plastik li naraw kullimkien, nużaw kaxxi jew drapp; jew jekk nieqfu nixtru prodotti li jkunu miksija bi plastik eċċessiv li ma hemmx bżonnu; jew minflok ma narmu tazza tal-kafè kull darba li nieħdu xarba sħuna, nużaw kontenitur li jista’ jerġa’ jintuża; jew minflok ma nużaw l-istraws tal-plastik, nagħtu lit-tfal straws tal-karti jew dawk magħmula mill-bamboo; jew minflok ma nużaw konfetti fil-festi, nerġgħu nibdew nużaw il-karti. Il-punt tiegħi hu li differenzi żgħar ħafna, li bilkemm nistgħu nagħtu kashom, jagħmlu differenza kbira.”

Filwaqt li nsistiet li kulħadd għandu rwol, l-MEP Metsola qalet li “il-liġi Ewropea hi kruċjali, imma s-sitwazzjoni f’Malta u Għawdex tfisser li ma nistgħux inkomplu nistennew. Nistgħu nimxu aktar ‘il quddiem mill-liġi tal-UE, u nimplimentaw mudelli oħrajn li jaħdmu fil-kuntest lokali. Matul l-aħħar snin, irnexxielna nittrasformaw lil Malta. Sirna gżira għas-servizzi finanzjarji, għall-gaming, għat-turiżmu, għall-liġi marittima u issa anke għall-Blockchain. Ma wasalx iż-żmien li nsiru l-ewwel gżira fil-Mediterran ħielsa mill-plastik li jintuża darba biss?”