Futbol Sport

Ashley Young se jibqa’ ma’ Manchester United

Ashley Young se jkun qed jibqa’ ma’ Manchester United wara li ġedded il-kuntratt b’sena sa Ġunju tal-2020. B’hekk hu se jkun qed jibqa’ mal-klabb għal disa’ snin wara li kien ingħaqad magħhom mingħand Aston Villa fl-2011 għal kważi €20 miljun.

Fl-assenza ta’ Antonio Valencia f’diversi logħbiet f’dan l-istaġun, Ashley Young kien magħżul bħala l-captain tat-tim fuq in-naħa leminija u f’xi logħbiet fuq ix-xellug tad-difiża. Il-plejer ta’ 33 sena lagħab 227 logħba ma’ Manchester United fil-kompetizzjonijiet kollha.

Fl-aħħar żewġ staġuni, Young reġa’ sar plejer importanti għar-Red Devils tant li rebaħ postu lura mat-tim nazzjonali Ingliż kif ukoll kien plejer regolari fit-Tazza tad-Dinja tas-sena li għaddiet fir-Russja. Hu sar is-sitt plejer fit-tim li ġedded il-kuntratt tiegħu f’dan l-istaġun wara Luke Shaw, Chris Smalling, Phil Jones, Scott McTominay u Anthony Martial.