Internazzjonali

Brexit: May tiċħad kompromess għal unjoni doganali mal-UE

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, ċaħdet l-idea li taħdem lejn unjoni doganali mal-Unjoni Ewropea, biex b’hekk kważi sfumaw it-tamiet li jinbidlu elementi tal-politika għall-Brexit bil-għan li jinkiseb l-appoġġ (għall-proċess) tal-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni.

Ir-Renju Unit għandu joħroġ mill-UE fid-29 ta’ Marzu iżda għad irid jikseb ftehim li hu aċċettabbli għall-Unjoni kif ukoll għad-deputati fil-House of Commons ta’ Londra. Il-prospetti, issa, huma għal ħruġ bla ftehim – no-deal Brexit – li kapaċi jħalli impatt negattiv għall-ekonomija tar-Renju Unit li hi l-ħames l-akbar fid-dinja.

Il-Kap Laburista Britanniku, Jeremy Corbyn, jiem ilu, kien fassal il-kundizzjonijiet li bihom il-partit tiegħu jista’ jappoġġja l-ftehim għall-Brexit fil-Parlament. L-aktar domanda li spikkat mil-Laburisti kienet biex May tfittex ‘unjoni doganali permanenti u komprensiv għar-Renju Unit kollu’.

Il-UE ħeġġet lil May biex ‘taħtaf’ din l-offerta tal-Laburisti minflok tippersisti bil-għan li tinnegozja mill-ġdid klawsola fil-ftehim għall-Brexit li hu relatat mal-fruntiera tal-Irlanda ta’ Fuq. Iżda Theresa May mhix tidher lesta għal U-turn li kapaċi jwassal għal aktar diżgwid fost il-Konservattivi fil-Gvern li ħafna minnhom iridu li r-Renju Unit, ‘il quddiem, ikun jista’ jidħol fi ftehim kummerċjali ‘tiegħu’, madwar id-dinja.

Dan ukoll meta May u l-Gvern tagħha qalu kemm-il darba li sħubija f’unjoni doganali għandha xxekkel lir-Renju Unit minn politika għall-kummerċ indipendenti.