Ambjent Lokali

Dranaġġ iniġġes l-inħawi tax-Xgħajra minkejja li l-impjant ilu jopera biss ftit xhur

L-ilma baħar fl-inħawi tax-Xgħajra ilu għall-aħħar ġimgħat imdardar bid-drenaġġ minkejja li suppost fiż-żona hemm l-impjant Ta’ Barkat li qed jopera u jsaffi l-ilma qabel jintefa’ fil-baħar.

L-impjant suppost li hu ġdid, tant li kien inawgurat biss f’Settembru li għadda, iżda jidher li xi ħaġa diġà mhux taħdem kif suppost.

Residenti li tkellmu ma’ dan is-sit qalu li r-raġuni hi li mhux issir il-manutenzjoni li hemm bżonn, għalkemm oħrajn qajmu dubji oħra, fosthom li din hi biss skuża biex eventwalment issir ir-reklamazzjoni tal-art f’dawn l-inħawi.

Is-sitwazzjoni qed twassal għal diversi problemi, fosthom dawk ta’ saħħa, hekk kif fl-inħawi hi xi ħaġa komuni li wieħed isib xi sajjieda.