Internazzjonali

Spanja: Possibbiltà ta’ elezzjoni bikrija fl-14 ta’ April

Sorsi qrib il-Gvern li ma ssemmewx qalu li l-Prim Ministru Spanjol, Pedro Sanchez, qed jikkunsidra biex isejjaħ elezzjoni nazzjonali bikrija għall-14 ta’ April.

Is-Soċjalisti fil-Gvern, bħalissa, qed jikkontrollaw anqas minn kwart tas-siġġijiet fil-kamra t’isfel tal-Parlament u meta huma, nhar l-Erbgħa, iridu jiffaċċjaw vot kruċjali dwar il-baġit tal-2019. Dan meta teżisti l-possibbiltà li s-Soċjalisti jitilfu dan il-vot.

Il-partit ta’ Sanchez sabha diffiċli biex jikseb appoġġ biżżejjed ħalli jgħaddi l-abbozz dwar il-baġit u, għaldaqstant, qed jiddependi mill-vot tal-partiti ż-żgħar, inklużi n-nazzjonalisti Katalani li qalu li ‘beħsiebhom jivvutaw kontra’.

Fl-aħħar jiem, numru ta’ uffiċjali f’Madrid indikaw li elezzjoni bikrija ( fi Spanja) hi ‘probabbli’ iżda waqt li hemm il-possibbiltà li din tissejjaħ f’April, żgur li għad ma hemm xejn konkret dwar id-data li tista’ tkun iffissata.

Il-kelliema għall-Gvern Spanjol – li l-mandat tiegħu suppost jiskadi fl-2020 – ma weġbux għat-talbiet biex jikkummentaw dwar il-possibbiltà ta’ elezzjoni u meta żdiedet l-ispekulazzjoni dwar l-iżviluppi politiċi fi Spanja matul il-jiem li ġejjin.