Formula 1 Sport

Williams jagħmlu bidla fid-disinn tal-karozza

(Ritratt: Formula 1)

L-għan ta’ Williams f’dan l-istaġun se jkun li jdawru l-fortuna tagħhom wara l-kampjonat deludenti l-istaġun li għadda. Id-disa’ darbiet rebbieħa tal-kostrutturi spiċċaw fl-aħħar post fl-istaġun li għadda għall-ewwel darba b’seba’ punti biss, riżultat li wassal għal tibdil inevitabbli fit-tim.

Is-sewwieqa tagħhom għal dan l-istaġun huma wkoll differenti u hemm kurżità dwar il-kredenzjali tagħhom. Robert Kubica se jkun qed jirritorna fl-isport, tmien snin wara li kien weġġa’ serjament f’aċċident waqt tiġrija tar-rally. Kubica li għandu 34 sena kien is-sewwieq ta’ riserva s-sena l-oħra.

Is-sewwieq l-ieħor hu r-rebbieħ tal-Formula 2 fl-istaġun li għadda George Russell. Hu se jkun l-ewwel sewwieq Britanniku permanenti minn meta Jenson Button kien saq ma’ Williams fl-ewwel staġun tiegħu fis-sena 2000.

Il-karozza tagħhom FW42 kienet żvelata llum b’disinn tal-karozza differenti minn tal-istaġun li għadda. Flimkien mal-kuluri iswed, abjad u blu, Williams żvelaw ukoll li daħlu fi sħubija mal-kumpanija li timmanifattura l-mowbajls ROKiT.