Internazzjonali

Brexit: Twiegħed vot deċiżiv lid-deputati wara t-taħditiet mal-UE

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, wiegħdet lid-deputati fil-House of Commons ( Parlament) ta’ Londra li huma se jingħataw vot deċiżiv dwar il-ftehim għal Brexit mal-Unjoni Ewropea.

Intant, dan mgħandux isir sakemm May jirnexxiolha tikseb il-bidliet għall-klawsola (fil-ftehim) tal-backstop li jaffettwa lill-fruntiera Irlandiża. L-arranġament dwar il-backstop hu l-element, fil-ftehim ta’ May, li jevita fruntiera b’kontrolli riġidi bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika tal-Irlanda. Dan ukoll meta l-UE qalet li mgħandhiex tinnegozja mill-ġdid il-ftehim li taħtu r-Renju Unit se jtemm l-isħubija fl-Unjoni.

Meta tkellmet fil-Parlament, May qalet li għandha ‘il-mandat’ biex tinsisti għall-bidliet fil-kwistjoni tal-backstop, wara li d-deputati Britanniċi vvutaw għal dan. Hi insistiet ukoll li ‘irid jingħata ż-żmien neċessarju biex il-proċess ikun komplut.

Jekk ma jintlaħaqx ftehim sas-26 ta’ Frar, id-deputati f’Londra, mill-għada, jingħataw aktar voti li ma jorbtux dwar l-għażliet għall-Brexit. F’dan il-każ, il-vot finali dwar jekk ir-Renju Unit jitlaqx mill-UE fid-29 ta’ Marzu ‘bi ftehim’ isir matul ix-xahar id-dieħel.

Il-Prim Ministru aġġornat lid-deputati dwar is-sitwazzjoni qabel id-dibattitu tal-Ħamis li jikkonċerna l-passi li jmiss għal Brexit. Dan wara li l-Parlament f’Londra kien ivvota, ix-xahar li għadda, biex jinstabu alternattivi għall-arranġament tal-backstop attwali.

Theresa May issa qed twiegħed biex id-deputati fil-House of Commons jingħataw ‘rwol aktar ċar’ fil-passi li jmiss u li, f’Londra, se jkun hemm vot sinifikanti dwar il-ftehim tagħha għal Brexit ‘ladarba huma jattwaw il-progress li jixtiequ’. May għadha temmen li tikseb ftehim mal-UE li jkollu wkoll l-appoġġ tad-deputati Britanniċi — u meta hi qed tiddiskuti l-għażliet ma’ Brussell bil-għan ta’ bidliet għall-backstop li jorbtu legalment.

Intant, Michael Barnier, li qed imexxi n-negozjati dwar Brexit għan-nom tal-UE, qal wara laqgħat mas-Segretarju Britanniku għall-Brexit, Steve Barclay li għalkemm it-taħditiet kienu ‘kostruttivi’, l-UE ‘mhix se terġa tiftaħ il-ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit’, anki jekk l-Unjoni xorta tinsab lesta biex tkompli bit-taħditiet fil-jiem li ġejjin.