Lokali

Id-dikjarazzjoni tal-FTS hija konferma li l-Gvern ħoloq kriżi fl-edukazzjoni wara li ma ppjanax bis-serjetà għall-investiment li jeħtieġ isir fis-settur edukattiv

Id-dikjarazzjoni tal-Fondazzjoni tal-Iskejjel t’Għada li l-klassijiet fil-kontejners huma aħjar minn uħud mill-klassijiet fl-iskejjel hi konferma ċarissima kemm il-Gvern ħoloq kriżi fl-edukazzjoni, naqas milli jinvesti bis-serjetà u ma ddedikax biżżejjed riżorsi għal dan is-settur ferm importanti għall-iżvilupp ta’ pajjiżna.

Dan stqarru Clyde Puli, il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni, l-Iżvilupp Uman u l-Ħiliet għas-Seklu 21, hekk kif spjega li t-tfal fl-iskola ta’ San Pawl il-Baħar qed ikollhom jagħmlu l-lezzjonijiet fil-kontejners għaliex il-Gvern ma pjanax fit-tul u minflok fetaħ skola ġdida kull sena kif kien isir minn Gvernijiet Nazzjonalisti, qed jipposponi skola ġdida kull sena.

Din hija s-sitwazzjoni hija wkoll konsegwenza tan-nuqqas ta’ pjan tal-Gvern li imbarka fuq il-mudell ekonomiku li jkabbar l-ekonomija bil-poplazzjoni minflok bil-produzzjoni. Dan qed iħalli impatt negattiv ukoll fuq is-settur edukattiv, fejn issa hemm sitwazzjoni ta’ iffullar fl-iskejjel b’detriment tal-istudenti u tal-għalliema.

Clyde Puli sostna li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti li l-Gvern għandu jieħu bl-akbar serjetà l-investiment fil-klassijiet minflok il-kontejners, is-sigurtà fl-iskejjel għall-għalliema u l-istudenti u l-investiment fl-edukaturi ġodda biex il-professjoni tal-għalliema tingħata l-akbar importanza.