Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

“Il-Gvern Malti għandu jieqaf ibigħ il-passaporti u jippubblika r-rapport Egrant” – MEPs

Il-Parlament Ewropew qed jinsisti li l-Gvern Malti jieqaf ibigħ il-passaporti u b’mod immedjat, jippubblika r-rapport tal-inkjesta Maġisterjali dwar il-kumpanija sigrieta Egrant. Talbiet li anke l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ilu jagħmel kemm fil-Parlament Malti kif ukoll fl-istituzzjonijiet ta’ Malta, fosthom anke l-Qorti.

Fil-fatt, f’riżoluzzjoni li mistennija tiġi vvutata fil-ġimgħat li ġejjin, u li ġiet ippreżentata fil-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili, l-Ġustizzja u l-Intern, il-Membri tal-Parlament Ewropew qed jagħmlu numru ta’ talbiet lill-Gvern Malti li huma marbutin mas-saltna tad-dritt, kif ukoll mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Fost temi oħra, ir-riżoluzzjoni titkellem dwar dak żvelat fil-Panama Papers kif ukoll dwar il-bejgħ tal-viżas mediċi.

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola hija membru tal-grupp ta’ ħidma li ħadem fuq ir-riżoluzzjoni dwar Malta u l-Islovakkja. Waqt dibattitu fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, hi nsistiet li minkejja t-theddid u t-tgħajjir mill-Partit Laburista, ma tista’ qatt tieqaf tiġġieled għal dak li hu sewwa.

“Il-valuri Maltin huma dawk Ewropej, u bħala rappreżentanta tal-poplu Malti u Għawdxi, ma nistax noqgħod kwieta meta nara dawk l-istess valuri taħt theddida. Jien se nkompli nagħmel xogħli u nistenna li l-awtoritajiet jagħmlu l-istess,” qalet l-MEP Roberta Metsola.

X’għandu jagħmel il-Gvern Malti skont ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew?

– jiftaħ inkjesta indipendenti u pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u b’mod partikolari dwar iċ-ċirkustanzi li wasslu għal dan il-qtil, ir-rispons tal-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll x’sar jew ma sarx biex jiġi assigurat li ma jerġax isir qtil ta’ dan it-tip;
– jikkundanna bla ebda riżerva kull tip ta’ diskors ta’ mibegħda fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia, kif ukoll jieħu passi kontra uffiċjali pubbliċi li qed jinstigaw din il-mibegħda;
– isib soluzzjoni għas-sit ta’ memorja għal Daphne Caruana Galizia, b’koperazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-familja tagħha;
– jippubblika r-rapport sħiħ tal-inkjesta Maġisterjali dwar il-kumpanija sigrieta Egrant;
– jiftaħ investigazzjoni dwar dak żvelat mill-Panama Papers u bejn ir-rabta bejn il-kumpanija fid-Dubai 17 Black u l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri;
– li jsaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni biex terġa’ tinbena fiduċja fl-istituzzjonijiet;
– jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja;
– jieqaf ibiegħ il-passaporti u ċ-ċittadinanza Maltin, kif ukoll jibda investigazzjoni indipendenti u internazzjonali dwar l-impatt ta’ dan il-bejgħ fuq il-kapaċijiet tal-infurzar kontra l-ħasil tal-flus, kontra l-kriminalità u fuq l-integrità taż-żona Schengen;
– jippubblika lista separata ta’ dawk li xtraw iċ-ċittadinanza Maltija u biex dawn l-individwi ma jitpoġġewx f’lista ma’ dawk li ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija b’metodi oħra;
– jippubblika r-rapport mal-kumpanija Henley & Partners;
– jinvestiga l-allegazzjonijiet tal-bejgħ enormi ta’ viżas tax-Schengen u dawk mediċi, inkluż l-allegat involviment ta’ uffiċjali tal-Gvern fosthom iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u Neville Gafa.

X’sabu l-MEPs fiż-żjara li għamlu Malta?

– il-Ministru Konrad Mizzi u r-rappreżentanti ta’ Nexia BT ma aċċettawx l-istedina biex jiltaqgħu mal-Membri tal-Parlament Ewropew;
– l-awtoritajiet Maltin qatt ma talbu għall-assistenza tal-Pulizija Ġermaniża wara li l-istess Pulizija Ġermaniża ngħatat aċċess għall-informazzjoni u l-hard disks tal-kompjuter ta’ Daphne Caruana Galizia.