Internazzjonali

L-Istati Uniti: ‘El Chapo’ iddikjarat ħati u jista’ jeħel il-ħabs għal għomru

Il-baruni tad-droga famuż Messikan Joaquin ‘El Chapo’ Guzman instab ħati dwar għaxar atti ta’ akkuża waqt il-proċess tiegħu fil-qorti federali ta’ New York. Dan meta hemm kull possibbiltà li ‘El Chapo’, li għandu 61 sena, jeħel sentenza ta’ ħabs għal għomru dwar traffikar tad-droga u sensiela ta’ omiċidji, fost oħrajn.

Il-Messikan kien akkużat bħala ‘il-mutur’ wara l-grupp tat-traffikanti tad-droga ‘Sinaloa’ li l-prosekuturi fissruh bħala l-aktar entità li, tul is-snin, iċċirkulat id-droga fl-Istati Uniti. ‘El Chapo’ kien arrestat f’Jannar tal-2016 wara li kien ħarab mill-ħabs fil-Messiku u l-verdett unanimu mill-qorti ta’ Brooklyn kien il-konklużjoni ta’ proċess li dam għaddej ħdax-il ġimgħa.

Il-baruni tad-droga kien akkużat b’li qabbad il-qattiela tiegħu biex iwettqu ‘mijiet’ ta’ omiċidji, aggredimenti u ħtif ta’ persuni. ‘El Chapo’ kien responsabbli wkoll għal għadd kbir ta’ każi fejn traffikanti tad-droga rivali spiċċaw ittorturati u maqtula taħt idejn ‘l-Armata’ tiegħu.

‘El Chapo’ darba kien fost l-akbar sinjuruni tad-dinja u dam is-snin imexxi l-cartel tad-droga fit-Tramuntana tal-Messiku.