Internazzjonali

Spanja: Proċess f’Madrid għall-mexxejja tal-indipendenza Katalani

Tnax il-mexxej Katalan separatista li fl-2017 mexxew l-impenn għall-indipendenza ta’ Katulonja mill-kumplament ta’ Spanja bdew għaddejjin minn proċess f’qorti ta’ Madrid fejn iridu jwieġbu għal akkużi li jinkludu ‘tixwix bl-iskop ta’ rewwixta’. Jekk jinstabu ħatja wħud mill-imputati jistgħu jeħlu l-ħabs għal 25 sena.

Ir-reġjun semi-awtonoma ta’ Katalonja kien organizza referendum għall-indipendenza fl-Ewwel ta’ Ottubru tal-2017 u ddikjara l-indipendenza minn Spanja, ġimgħat wara. Iżda l-awtoritajiet Spanjoli ddikjaraw il-vot illegali, bil-Gvern f’Madrid) jimponi stil dirett ta’ amministrazzjoni fuq Katalonja. Il-kriżi fir-reġjun Katalan hi kunsidrata bħala l-aktar serja fi Spanja mill-era tad-dittatur faxxista, Francisco Franco, li miet fl-1975.

Disa’ mill-imputati Katalani – li kienu ilhom jinżammu għal xhur qabel il-proċess – twasslu l-qorti taħt skorta ta’ gwardjani. Dan meta t-tliet imputati l-oħra kienu ngħataw il-libertà fuq pledge.

L-aktar imputat ta’ profil għoli li qed ikun suġġett għall-proċess f’Madrid hu l-eks-Viċi-President Katalan, Oriol Junqueras. Is-superjur tiegħu – l-eks President ta’ Katalunja, Carles Puigdemont – kien ħarab minn Spanja xhur ilu u għadu sallum qed jgħix f’eżilju.

Junqueras qed jiffaċċja l-itwal sentenza ta’ priġunerija potenzjali (25 sena) talli, allegatament, serva bħala ‘l-ixprun għal rewwixta’. Oħrajn li wkoll huma akkużati dwar l-istess reat – fosthom l-eks Speaker tal-Parlament Katalan Carma Forcadell – kapaċi jeħlu sentenzi ta’ ħabs għal sittax jew sbatax-il sena.

L-imputati qed iwieġbu wkoll għal akkużi li inċitaw lill-poplu Katalan biex iqum kontra l-awtorità tal-Istat (Spanjol) meta hemm ukoll akkużi dwar użu ħażin ta’ fondi pubbliċi b’konnessjoni mar-referendum tal-2017 li kien iddikjarat illegali minn Madrid.